“Avviċinani ċertu ‘Jamie’ f’ħanut tal-kafè u offra €1,500 biex ma jissemmewx minn Vincent Muscat ‘il-Koħħu’.” Dan ħareġ minn wieħed mix-xhieda f’seduta li fiha kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra l-aħwa Robert u Adrian Agius magħrufa bħala tal-Maksar, Jamie Vella u George Degorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż. Dawn qed ikunu mixlija b’akkużi relatati mal-omiċidju tal-avukat Carmel Chircop u d-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia.
Xhud li ismu ma jistax jissemma spjega kif waqt li kien qiegħed f’ħanut tal-kafè li jiffrekwenta ta’ kuljum ġie avviċinat minn persuna li identifikat ruħha bħala ‘Jamie’. Dan urieh raġel ieħor li kien fuq il-bankina ta’ faċċata tal-ħanut u wara li qallu li dak kien Robert Agius żied jgħidlu li huma kienu lesti jħallsu €1,500 biex Vincent Muscat il-‘Koħħu’ ma jsemmihomx. Meta kien mistoqsi jiddeskrivi lill-persuna li avviċinatu huwa qal li dan kellu xagħru kannella. Hawnhekk l-akkużat ‘Jamie Vella’ deher idur u jagħti b’rasu filwaqt li deher jitbissem minn fuq il-maskra. Mix-xhieda tiegħu ħareġ ukoll kif meta l-pulizija talbuh jagħraf lil dawk li avviċinawh huwa ma setax jidentifika lill-imputati. Ix-xhud spjega li għandu għajn li hija dgħajfa.
Meta ġie biex jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu, l-Avukat tal-‘parte civile’ Jason Azzopardi qam argument fil-Qorti dwar jekk il-‘parte civile’ għandiex dritt tagħmel kontro-eżami ta’ xhud li ressqet il-Prosekuzzjoni. Dan għaliex f’kontro-eżami jistgħu jsiru mistoqsijiet diretti. Il-Qorti ddeċidiet li l-parte civile f’dan il-każ tista’ tagħmel biss l-eżami tax-xhieda tal-Prosekuzzjoni.
Fl-awla xehed ukoll ċertu John Bugeja li għamel xi żmien jikri l-garaxxijiet mingħand Robert Agius. Huwa spjega kif kien xtara żewġ trailers mingħandu għall-prezz ta’ €96,000. Spjega kif għad fadallu ftit dejn miegħu sal-lum il-ġurnata u għalhekk meta staqsieh biex jikri garaxx fil-Mosta fuq ismu huwa kien obbligat lejh. Dan b’referenza għal garaxx li fih allegatament inżammet il-bomba li ntużat fid-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. Wara li spjega li huwa kien ta ċ-ċwievet lil Robert Agius, mill-ewwel id-Difiża staqsiet jekk ix-xhud kienx jaf min effettivament kien qed jagħmel użu minnu l-garaxx u dan wieġeb fin-negattiv.
Fil-Qorti xehdu wkoll uffiċjali tal-pulizija li kellhom irwol attiv fit-tfittxijiet li saru fil-karozza u r-residenza ta’ Adrian Agius. Fil-Qorti ġie spjegat kif fost l-affarijiet li nstabu fil-karozza kien hemm pakkett b’sustanza kannella f’kaxxa taħt is-seat tax-xufier u sittin karta tal-ħamsin ewro marbutin flimkien. Taħt il-karozza nstabu wkoll żewġ boroż żgħar b’sustanza bajda wara li Agius deher jitfa’ xi ħaġa taħt il-karozza.
12:23 – Issa bdiet tinstema’ x-xhieda tal-Ispettur Wayne Camilleri li wara li ta d-dettalji ta’ dak li ġara wara l-arresti d-Difiża qed tikkonferma kemm kien hemm distanza bejn wieħed mix-xhieda preċedenti, meta ġie mitlub jagħraf lill-akkużati. Dan kien qal li Jamie Vella mar ifittxu ġo ħanut tal-kafè.
L-Ispettur Pawney tela’ fuq il-pedana tax-xhieda biex jagħti d-dettalji dwar il-vettura Seat Leone li kien qed jagħmel użu minnha Adrian Agius.
Dawk kienu x-xhieda kollha li kienu skedati għal-lum.
Il-Qorti issa qed tittratta rikors imressaq mid-Difiża ta’ George Degiorgio sabiex il-proċeduri jiġu seperati mill-kumplament. Għal dan l-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qalli t-talba ma tagħmilx sens u li l-akkużat mhu ser isofri l-ebda preġudizzju.
Id-Difiża qalet li quddiemha l-Qorti għandha tliet każijiet hekk kif l-akkużi kollha mhux ġejjin minn l-istess fatt.
11:52 – Xehed ukoll l-uffiċjal Pace li kien involut fit-tiftix li sar fil-vettura u r-residenza ta’ Adrian Agius. Spjega kif dakinhar tal-arresti kienu marru fuq il-post fejn ġew miżmuma l-aħwa maksar u hemm sabu lil Adrian Agius biswit il-vettura. Spjega kif aktar tard sar tiftix fil-vettura. Sostna kif meta beda t-tiftix innota kif fuq is-sit ta’ quddiem fuq in-naħa tax-xellug kellu basket iswed li ġo fih kien hemm mobile tal-għamla Samsung u sittin karta tal-ħamsin ewro. Sabu wkoll basket iswed tal-għamla Hugo Boss li fih kien hemm disa’ karti tal-ħamsin ewro u karta tal-għaxar ewro.
Huwa ta rendikont ukoll tal-kards kollha bankarji li nstabu. Sabu wkoll żewġ mobile phones, wieħed tal-għamla Samsung u iPhone. Dan filwaqt li sabu wkoll karta A4 b’kitba bil-biro li fuqha kien hemm numru ta’ inizjali u somom ta’ flus.
Huwa kompla jispjega kif minn pouch wara s-sit sabu wkoll erba’ plastic folders li fihom kien hemm xi dokumenti. Spjega kif minn taħt is-sit tax-xufier kien hemm kaxxa li fiha kien hem borża mdaqqsa trasparenti li din kienet imdawra b’tape kannella u ġo fiha kien hemm sustanza ta’ lewn kannella.
Ix-xhud kompla jispjega kif instabu iżjed dokumenti fosthom dokument ta’ persuna ta’ nazzjonalità Eġizzjana. Sadattant il-pulizija rċeviet informazzjoni li persuni kienu raw lil Adrian Agius jitfa’ xi ħaġa taħt il-vettura. L-uffiċjal spjega kif instabu żewġ boroż żgħar b’sustanza bajda ġo fiha. Spjega kif wara l-bibien ġew issiġillati u fuqhom iffirma l-akkużat stess. Wara huwa ttieħed fir-residenza tiegħu fejn hemmhekk fil-preżenza tiegħu saret it-tfittxija. Spjega kif instabu, żewġ laptops, tmien hard drives, u numru ta’ kards u sim cards fost l-oħrajn. Qal kif instab safe tal-ħadid ġewwa l-kamra tas-sodda. Meta Agius kien mistoqsi dwar dan is-safe huwa qal li ċavetta tiegħu ma kellux għaliex dak is-safe kien jappartjeni lil sid il-propjetà u qalilhom li kienu ser jagħmlulu pjaċir jekk jaqilgħuh u joħduh.
Huwa spjega kif ilbieraħ kien preżenti fil-garaxx tal-pulizija biex jinfetaħ is-safe. Huwa spjega kif fih instabu xi dokumenti li ġew elevati mill-esperti tal-Qorti. Huwa ppreżenta ‘submission forms’ b’dak kollu elevat tul it-tfittxijiet li saru, b’deskrizzjoni dettaljata ta’ kull oġġett.
11:36 – Tela’ fuq il-pedana tax-xhieda uffiċjal tal-pulizija li spjega kif fil-karozzi wara l-arresti nstabu pakketti ta’ sustanza kannella. L-ippakkeġjar tas-sustanza ġew investigati u analizzati għall-marki tas-swaba’. Qal kif fil-vetturi nstabu ammont ta’ flus kontanti u tliet mobile phones fost l-oħrajn.
Huwa spjega wkoll kif kien ġie solevat safe minn residenza li dan infetaħ ilbieraħ u fih ma nstab xejn li huwa relevanti għal din l-investigazzjoni. Ix-xhud kompla jispjega kif huwa kien preżenti għall-istqarrija ta’ George Degiorgio iżda hu ma rrisponda għall-ebda domanda.
11:26 – Wara pawża ta’ madwar nofsiegħa kompliet is-seduta fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra l-akkużati Robert u Adrian Agius, Jamie Vella u George Degiorgio.
10:45 – Id-Difiża staqsiet jekk ix-xhud kienx jaf min kien qed jagħmel użu minnu l-garaxx waqt li ċ-ċwievet kienu għand Robert Agius u dan wieġeb fin-negattiv. Hekk intemmet ix-xhieda ta’ John Bugeja.
Il-Qorti aġġornat is-seduta għal 25 minuta oħra.
10:42 – Meta muri ritratt ix-xhud għaraf il-garaxx fil-Mosta u qal li dan krieh. Qal li dan il-garaxx kien krieh għal Robert Agius.
Huwa krieh madwar tlieta jew erba’ snin ilu u mhux għax kellu bżonnu hu imma għal Robert Agius. Qal li huwa kien talbu jikrieh fuq ismu biex jitfa’ xi karozza fih. Stqarr li peress li kellu jtih aċċetta u Robert kien itih biex iħallas €700 fis-sena. Huwa għamel żewġ pagamenti. Qal li ċ-ċwievet tal-garaxx kien għaddiehom mill-ewwel lil Robert Agius.
Huwa ngħata ritratt ta’ żewġ garaxxijiet u indika fuqu permezz ta’ salib wieħed mill-garaxxijiet. Qal li dak kien il-garaxx li kera għall-akkużat. Qal li meta spiċċat il-kirja, wara sentejn, Robert Agius kien reġa’ għaddielu ċ-ċwievet u x-xhud irritornahom lis-sid.
Wieħed jifhem li dan il-garaxx huwa dak li fih allegatament inżammet il-bomba li ntużat fid-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia.
10:29 – Meta mistoqsi mis-Supretendent Keith Arnaud huwa stqarr li għandu għajn minnhom li hija dgħajfa. Hawnhekk intemmet ix-xhieda ta’ dan ix-xhud partikolari.
Issa fuq il-pedana tax-xhieda tela’ ċertu John Bugeja li jidher li għandu problema biex jisma’ lill-Maġistrat.
Hawnhekk uħud mill-akkużati nstemgħu jidħku.
Huwa spjega li huwa kien iġib id-detergents minn Sqallija. Huwa spjega kif huwa jikri l-propjetà mingħand Robert Agius magħruf bħala tal-Maksar. Ix-Xhud intalab jidentifika lil Robert Agius fl-awla u wara ħafna tentattivi huwa għarfu. “Dawn ara”, qal ix-xhud li għal bidu beda jipponta lejn wieħed mill-Avukati tad-Difiża.
Huwa spjega kif kien iżomm id-detergents ġo garaxx f’Ħal Qormi. Huwa qal kif kien jikri tliet garaxxijiet il-Magħtab mingħand Robert Agius biex jagħmel id-detergents fihom. Qal li ilu jafu għaxar snin żgur lil Robert wara li kien iltaqa’ miegħu fuq katamaran. Qal li l-garaxxijiet tal-Magħtab dam madwar sena u nofs jikrih iżda mbagħad falla. Stqarr li kienu serquh mill-garaxx tal-Magħtab u ħadulu kollox.
Spjega li wara nnegozja ma’ Robert Agius dwar żewġ ‘trailers’ u b’kollox ħallas €96,000. Spjega kif huwa kellu d-dejn ma’ Robert Agius fuq dan l-ammont u llum fadallu xi ħaġa żgħira xi jħallas. Sostna li huwa kien iħallas skont kemm kien ikollu flus.
10:03 – Dr Azzopardi staqsa fejn qiegħed il-ħanut li kien bilqiegħda fih meta qal li avviċinah Jamie Vella. Meta mistoqsi f’liema ħin tal-ġurnata kien avviċinah, u dan qal li l-inkontru seħħ filgħodu. Ix-xhud qal li ilu għal dawn l-aħħar ħamsin sena jmur f’dan il-ħanut.
Spjega kif huwa mar darba oħra wara għar-risposta u dan meta daħal fil-ħanut għarfu. Id-Difiża nnotat kif madwar tliet ġimgħat ilu kien mitlub jagħraf lil Jamie minn linja ta’ rġiel iżda huwa m’għarfux. Ix-xhud qal li dan għaliex kien il-bogħod. Id-Difiża madankollu ssuġġerietlu li dan mhux minnu għaliex huwa kien qrib.
9:43 – Il-Qorti kkwotat l-artikli relevanti mill-kodiċi kriminali u spjegat kif il-parte civile tista’ tkompli tagħmel l-eżami tax-xhieda tal-Prosekuzzjoni u tagħmel kontro-eżami għax-xhieda tad-Difiża.
9:35 – Ix-xhud spjega kif xi jiem ilu reġgħu bagħatu għalih il-pulizija biex jaraw jekk jagħrafx lill-persuni msemmija iżda dan m’għarafhomx.
L-Avukat Jason Azzopardi għamel mistoqsijiet diretti. Id-Difiża oġġezzjonat għal dan iżda Dr Azzopardi qal li huwa qed jagħmel kontro-eżami u għalhekk huma permissibbli. Id-Difiża qalet li x-xhud attwali huwa xhud imressaq mill-Prosekuzzjoni u f’dan il-każ il-parte civile qed taħdem mal-Prosekuzzjoni. Saħaq li l-kontro-eżami huwa riservat għad-Difiża.
9:23 – Ix-xhud li tela’ fuq il-pedana tax-xhieda talab biex l-ismijiet li ser isemmi ma jissemmewx mill-midja. Id-Difiża oġġezzjonat. Il-Qorti għall-fini tas-sigurtà tax-xhud u l-persuni li jistgħu jissemmew ordnat sabiex l-isem tax-xhud u l-ismijiet ta’ dawk li ser isemmi ma jissemmewx.
Huwa spjega kif m’ilux il-pulizija bagħatu għalih biex ikellmuh fuq ċertu Jamie Vella. Huwa spjega kif huwa kien ġo bar il-Marsa qed jieħu kafè. Qal li għalih kien wiċċ ġdid dan u talab biex ikellmu. Huwa talab biex ikellmu fuq Vincent Muscat il-Koħħu. Stqarr li dawn talbu biex Vincent Muscat ma jsemmix lilu u lil Robert Agius u dawn offrew €1,500. Spjega kif dan l-inkontru seħħ għal Ottubru tas-sena li għaddiet.
Huwa ġie mistoqsi jiddeskrivi lil Jamie Vella. Kien mistosi wkoll x’kulur kien xagħru u kemm kellu xagħru twil? Dan qal li huwa kellu xagħru qasir kannella. Hawnhekk Jamie Vella deher idur, beda jagħti b’rasu u deher jitbissem minn fuq il-maskla.
9:07 – Huwa beda x-xhieda tiegħu għal-lum billi ppreżenta n-notamenti li għamel użu minnhom ilbieraħ tul ix-xhieda tiegħu.
Is-Supretendent Keith Arnaud spjega kif Jamie Vella fl-istqarrija tiegħu kien qal li qabel kien joqgħod f’appartament f’Santa Venera u spjega kif dan seta’ jkun relevanti għall-każ għaliex Vincent Muscat kien spjega kif wara l-qtil ta’ Carmel Chircop kienu qattgħu l-karozza użata u wara marru f’appartament f’Santa Venera li kien mikri għand Jamie Vella.
Is-Supretendent Arnaud ippreżenta wkoll żewġ ritratti, wieħed tal-binja li minnha tidħol għal garaxx li kien mikri għand Robert Agius u ritratt ieħor li fih hemm żewġ garaxxijiet u li wieħed minnhom huwa dak mikri lil Robert Agius u li fih allegatament inżammet il-bomba li biha nqatlet Daphne Caruana Galizia.
8:51 – Ser tkompli tinstema’ x-xhieda tas-Supretendent Keith Arnaud.
Aktar qabel – F’awla tnejn u għoxrin kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-aħwa Robert u Adrian Agius magħrufa bħala tal-Maksar, Jamie Vella u George Degorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż akkużati bl-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop.