Waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi, David Galea li kien Project Manager tal-proġett Electrogas qal kif huwa jinsab diżappuntat għal mod kif qed isiru l-mistoqsijiet mid-deputati Nazzjonalisti waqt dan il-kumitat.
Huwa semma wkoll kif anke saru attakki personali b’mod aggressiv, fejn semma meta madwar xahar ilu f’Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina sabbat dokumenti quddiemu.
Hawnhekk qabeż id-deputat Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami li b’ton iebes kellem lix-xhud bi kliem li bosta qalulna li kien wieħed ta’ theddid.
Id-dikjarazzjoni ta’ Beppe Fenech Adami ssegwi dak li għamel id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina meta sabbat id-dokumenti quddiem David Galea.
Imbagħad id-deputati Nazzjonalisti bdew jistaqsu lil David Galea fuq in-negozju tiegħu, bil-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield joġġezzjona għal dan, hekk kif m’għandux x’jaqsam mar-rapport tal-awditur ġenerali, li qed jiddiskuti dan il-kumitat parlamentari.