Xhieda fil-Qorti rrakkontaw kif raw gwardjan lokali jattaka raġel li kien qed jiffilmjah jistaħba b’mod li jkun jista’ jagħti iktar ċitazzjonijiet. Dan biswit roundabout fin-Naxxar.
Filmat tas-Serb Igor Samardziski jagħti daqqa ta’ ponn gwardjan lokali kien imxerred minn eluf fuq il-midja soċjali. Iżda, x-xhieda ippreżentata fil-qorti tul il-każ kontra s-Serb ta’ erbgħa u tletin sena irriżulta li hemm faċċata oħra għal munita. Matthew Zammit, il-bniedem li ġibed il-filmat qal li kien beda jiġbed mill-mument li l-gwardjan lokali kien l-ewwel li attakka lis-Serb.
Iżda, kien biss fl-aħħar biċċa li rnexxielu jaqbad ix-xena bil-filmat. Ix-xhud qal li l-gwardjan lokali saħansitra ma ħalliex lis-Serb jiġbor il-mobile tiegħu li kien waqalu mal-art. Tant li x’ħin prova jiġbru l-gwardjan lokali reġa’ attakkah.
Ix-xhud qal li s-Serb kien qed jipprova jaħrab iżda l-gwardjan lokali baqa’ jmur għalih. Ix-xhud temm jinnota li jista’ jkun li s-Serb kien qed jiffilmja lil warden u qal li semgħu jgħidlu li hu llegali jistaħba wara l-karozzi.
“Kien qed ikellmu mhux jargumenta,” qal ix-xhud li jaħdem minn garaxx fil-qrib. Is-Serb huwa Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija prominenti f’Malta u attiv sew fil-komunita Maltija.