Fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Maher Aljasem, is-Sirjan ta’ 24 sena li huwa mixli bil-qtil ta’ Sirjan ieħor, Fawez Najem.
Il-qtil seħħ fis-7 ta’ Mejju wara li nqalgħet ġlieda bejn żewġ gruppi Sirjani f’Għawdex u l-vittma nqatel f’appartament f’Marsalforn b’daqqa ta’ sikkina f’qalbu.
L-ewwel xhud quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kien l-Ispettur Wayne Camilleri mill-Iskwadra tal-Omiċidji, li qal li meta interroga lill-akkużat, mill-grupp ta’ rġiel li allegatament daħlu jħebbu għalih u għal sħabu dan għaraf biss lill-vittma.
Xhud ieħor kien l-Ispettur Josef Gauci, li qal li l-vittma miet fil-karozza tal-marka BMW huwa u jittieħed lejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
It-tielet xhud kien Ahmed El Hamdan, li kien joqgħod mal-akkużat u ma’ Sirjan ieħor fl-istess appartament. Huwa qal li, x’ħin fetaħ il-bieb, il-vittma qallu li ried jiskarna lill-akkużat.
Ir-raba’ xhud kien Ahmad Mohammed, Sirjan ieħor li kien joqgħod mal-akkużat u ma’ El Hamdan, li qal li waqt argument bejn is-Sirjani ftit qabel id-delitt, il-vittma xeħet kikkra lejn l-akkużat u mar fil-karozza u ġab injama għalih.
Żewġ xhieda oħra kienu żewġ Ingliżi li joqogħdu Marsalforn, li rrakkuntaw kif raw ġlieda u persuna tiddaħħal f’karozza BMW bajda.
Il-kumpilazzjoni se tkompli fit-3 ta’ Ġunju.