Ix-xhud ta’ “The Daphne Project”, li ftit tax-xhur ilu ġie rrekordjat minn Radio France jgħid li ra lill-Ministru Chris Cardona ma’ Alfred Degiorgio f’bar fis-Siġġiewi, gideb.
Dan żvelatu l-Maltatoday, fejn intqal li waqt l-interrogazzjoni, dan ix-xhud bidel il-verżjoni tiegħu u qal li qatt ma ra lil Cardona u lill-Fulu fil-bar fl-istess ħin, iżda li żaru l-post f’ħinijiet u ġranet differenti.
Dan ix-xhud qal ukoll li meta l-ġurnalist Franċiż reġa’ mar ifittxu, qallu biex iħallih bi kwietu u telaq ’l hemm.
Il-Maltatoday qalet ukoll li l-filmati tas-CCTV miġbura mill-espert appuntat mill-Maġistrat Anthony Vella, li kellu l-fiduċja tal-familja ta’ Caruana Galizia, kienu inkonklussivi. Madanakollu fir-rapport tiegħu, Vella naqas milli jsemmi dan il-punt li ġab fix-xejn l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Cardona fir-rapport tiegħu.
Il-Maġistrat lanqas biss ikkomunika dawn il-konklużjonijiet mal-Pulizija li kienu qed jinvestigaw l-omiċidju ta’ Caruana Galizia.
Kien irrappurtat ukoll li fit-trapass tal-investigazzjoni, ir-relazzjoni bejn l-investigaturi tal-Pulizija u l-Maġistrat ma kinitx xi waħda tajba hekk kif il-Pulizija stqarrew li ħafna mill-esperti appuntati mill-Maġistrat allegatament bdew ixerrdu l-informazzjoni mal-ġurnalisti barranin u politikanti Nazzjonalisti.
Fost l-esperti li ssemmew mill-ġurnal kien hemm il-konsulent tas-sigurtà, John Muscat.
Muscat jinzerta wkoll ħu Caroline Muscat, strateġista ewlenija tal-Partit Nazzjonalista fi żmien Simon Busuttil.
Issemmew ukoll l-espert tas-saħħa u sigurtà John Gera u Roberto Critien, eks uffiċjal tas-servizzi tas-sigurtà.
F’punt minnhom waqt l-investigazzjoni il-Maġistrat Anthony Vella talab għar-rekords tat-telefonati tal-persuni kollha li kienu fuq ix-xena tal-bomba inkluż tal-Kummisarju tal-Pulizija madankollu fl-istess ħin naqas milli jitlob għal-laptop tal-blogger. Għal raġunijiet mhux magħrufa, il-laptop baqa’ miżmum mill-familja ta’ Caruana Galizia għal diversi xhur.
Dan kien it-tieni ġurnal li rrapporta l-inkostistenzi fl-istejjer irrapurtati minn Daphne Project. Il-Ħadd li għadda l-Indepdent ukoll irrapurtat li b’kuntrarju għal dak li qalu ta’ the Daphne Project, qatt ma saru telefonati bejn il-Ministru Cardona u l-Fulu.