Kompliet il-kumpilazzjoni kontra Eliott Paul Busuttil, li huwa akkużat bil-qtil ta’ Mario Farrugia, li nstab maqtul f’bagoll ta’ karozza.
Hawn, il-Qorti wissiet mara li qed tixhed fil-kumpilazzjoni b’konsegwenzi serji jekk tkompli tkun evażiva fil-Qorti.
Dan hekk kif hija bdiet twieġeb għal domandi fil-Qorti b’mod indirett. Fost l-oħrajn, meta ġiet mistoqsija min huwa Eliott Busuttil, hija wieġbet li huwa persuna, u meta mistoqsija kemm ilha taf l-imputat, qalet li ma tiftakarx, iżda wara qalet li ilha tafu mill-elfejn u tmintax.
Meta kompliet twieġeb għad-domandi dwar ir-relazzjoni tagħha mal-imputat bl-istess mod, il-Maġistrat wissietha li hija viċin li tiġi mmultata għall-attitudni tagħha lejn id-domandi.
Hija qalet li l-aħħar li żaret ir-residenza tal-imputat kien fit-tmienja u għoxrin ta’ Marzu, u qalet li marret tara lil huh.
Wara li x-xhieda kompliet twieġeb il-mistoqsijiet bl-istess mod, il-Maġistrat, urtata, issospendiet ix-xhieda tagħha, u qalet li jekk terġa’ twieġeb bl-istess mod, il-kastig tagħha mhux se jkun wieħed finanzjarju.
Fis-sedut xehdu wkoll żewġ Pulizija li kienu parti mit-tim li daħlu fid-dar tal-vittma meta kien irrappurtat nieqes, li sostnew kif il-ġirien tiegħu innutaw li kien ilu ma joħroġ iż-żibel għal numru ta’ ġranet.
Il-każ se jkompli jinstema’ fit-tlieta t’Ottubru.