Richmond Tong, li f’Ġunju ta’ sentejn ilu miet fiċ-ċella tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, wara li ġie arrestat minħabba sewqan perikoluż u wara li tfittxijiet li saru fil-karozza instabet id-droga kannabis, qatt ma talab għal għajnuna medika.
Dan ħareġ waqt li ssuktat il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront taż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija akkużati bil-qtil involontarju ta’ Tong.
Iż-żewġ akkużati huma Stacy Gatt ta’ 28 sena u Karl Nikolai Vella Cassia ta’ 35 sena. It-tnejn jinsabu sospiżi mis-servizz.
Is-Supretendent Victor Aquilina, fix-xhieda tiegħu spjega li daħal lejn l-aħħar fl-investigazzjoni u li fis-27 t’April li għadda l-imputati tteħdulhom stqarrijiet ġuramentati fejn hemm żammew max-xhieda tal-inkjesta.
Is-Supretendent Aquilina qal ukoll li mill-inkjesta joħroġ li l-Uffiċjali tal-RIU raw lil Tong jitfa’ xi ħaġa f’ħalqu. Fil-fatt, kien hawn li fil-Qorti ħareġ li Tong qatt ma staqsa għal għajnuna medika jew qal li kien qed iħossu ħażin mal-Ispettur Stacy Gatt.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Joe Giglio staqsa hemmx protokoll li l-Pulizija trid isegwi meta jkun hemm dubji dwar is-saħħa tal-arrestati. Għal dan il-Pulizija Aquilina qal li f’29 sena servizz dejjem ħa l-prekawzzjonijiet kollha.
Waqt il-kontro eżami mill-Avukat Giannella de Marco, instema’ li Tong l-ewwel ittieħed l-Għassa tar-Rabat mill-Pulizija tal-RIU u minn hemm ittieħed fil-lock up tal-Pulizija. Fuqu nstabet id-droga kannabis.