F’awla numru ħamsa u għoxrin kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-mewt ta’ Miriam Pace.
L-ewwel xhieda fis-seduta tal-lum kienet tal-Ispettur Matthew Galea, li meta ġie mistoqsi mill-Avukat tal-Periti, Arthur Azzopardi, dwar il-kameras tas-sigurtà, qal li dawn inġabru mill-Pulizija mill-ewwel, tant li nġabru qabel instab il-katavru ta’ Pace.
L-avukat Azzopardi qal kif il-filmat minn kamera tas-sigurtà partikolari juri biss id-dar li fiha kien hemm Miriam Pace qabel u wara li ġġarfet, iżda mhux waqt li din kienet qed tiġġarraf.
Intant fix-xhieda tal-Ispettur Robert Vella qal li kien infurmat li tmexxew l-inġenji wara l-ħin tal-każ.
Ix-xhud qal wkoll li jaf li l-istess kuntrattur, LK Limited, sab ruħu f’inċidenti simili f’Pender Gardens, u għalhekk ġie mitlub mill-Qorti sabiex jesebixxi r-rapporti kollha rigward dawn il-każijiet.
Fix-xhieda ta’ Martin Saliba, li jaħdem fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar spjega li ma kien hemm ebda oġġezzjoni fl-ippjanar tal-bini marbut ma’ dan il-każ.
Ivor Robinich, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Kostruzzjoni tal-Bini spjega li meta jkun hemm il-bżonn li jsir tqattigħ, dak ikun f’idejn il-periti.
Dan qal ukoll li fil-konfront ta’ Ludwig Dimech, il-kuntrattur responsabbli ta’ dan is-sit ta’ kostruzzjoni, kienu nħarġu avviżi ta’ infurzar.
Dawn inħarġu wkoll fuq is-sit ta’ kostruzzjoni marbuta mal-każ kemm qabel u anke wara l-mewt ta’ Miriam Pace.