“Camilleri waddabli ġebla għal rasi u qalli li hu l-King tal-Gżira”.
Hekk xehdet waħda mill-persuni li kienu fuq il-post dakinhar tad-delitt, hekk kif dalgħodu kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Jeremie Camilleri, li jinsab mixli li qatel lil Pelin Kaya fl-età ta’ 30 sena.
Fix-xhieda tagħha, Fiona Brincat spjega li hi u tixtri s-sigaretti rat karozza maħbuta u mara mal-art. Hija żiedet tgħid li xħin dawret wiċċha Camilleri resaq lejha, neża l-flokk, u waddbilha ġebla lejn rasha. Xehdet li spiċċat bil-punti fuq moħħha.
Hija qalet li n-nies li kienu preżenti bdew jippruvaw iwaqqfuh bil-kliem.
Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ wkoll is-Surġent fl-Għassa ta’ Tas-Sliema, Sandro Mangion, li qal li l-pulizija rċeviet rapport dwar karozza maħbuta fil-ħġieġ ta’ stabbiliment tal-ikel. Huwa żied jgħid li dan ma kienx sempliċiment inċident tat-traffiku imma li aktarx kien jinvolvi qtil.
Is-Surġent Mangion żid jgħid li meta mar fuq il-post, sema’ ħafna għajjat u ra lil Camilleri jargumenta mal-Pulizija, li bdew jippruvaw iżommuh.