Il-Prim Ministru Joseph Muscat illum xehed fil-każ mressaq fil-Qorti Kostituzjonali mill-Partit Nazzjonalista dwar billboards. Dawn spiċċaw il-Qorti għax il-kuntrattur irid jitħallas tax-xogħol li għamel biex neħħa jew ċaqlaq dawn il-billboards. Dawn tneħħew wara li l-qorti kkonfermat li dawn ma kinux skont avviż legali maħsub biex iżomm l-ordni fit-toroq.
Il-Prim Ministru saħaq li kien involut biss biex jiffirma l-avviż legali dwar il-billboards għaliex juża ‘sistema ta’ fiduċja’ fejn jafda li qabel ma jasal għandu l-avviż legali ikun sar il-proċess kollu.
L-għan tal-avviż legali, sostna l-Prim Ministru, hu li dik li suppost hija eċċezzjoni waqt kampanja elettorali, iġifieri li l-Partiti Politiċi ikollhom il-billboards bil-messaġġi politiċi madwar il-pajjiż, ma tispiċċax in-norma.
Mill-informazjzoni li għandu, stqarr il-Prim Ministru, l-avviż legali nħoloq biex ikun hemm ‘level playing field’ u biex ma jkunx hemm sitwazzjoni ta’ żvantaġġ fost il-persuni li jkunu interessati li jkollhom billboard fit-toroq.
“Hija realtà li l-gvern u kull min għandu għajnejh f’ wiċċu hu konxju li ma kienx hemm regolazzjoni adegwata u kien hemm bżonn li jsir xi ħaġa.”
Kien hemm ħafna ilmenti minn diversi entitajiet u operaturi liċenzjati tal-bilboards, li r-regolamenti ta’ qabel kellhom nuqqasijiet kbar u kawża t’hekk il-pajjiż intela’ bil-billboards. Kienet din ir-raġuni għaliex beda jitfassal l-avviż legali minn Michael Farrugia, dak iż-żmien Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar fl-2014.