Ir-riżultati finanzjarji li tħabbru llum huma xhieda ta’ kif il-Partit Laburista fil-gvern bidel dan il-pajjiż.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li fejn fi żmien Gvern Nazzjonalista s-sena tal-elezzjoni fissret li pajjiżna daħal fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv, is-sena li għaddiet pajjiżna reġa’ kellu surplus. Spjega kif minn defiċit rekord ta’ €362 miljun fl-2012, pajjiżna kellu surplus rekord ta’ €183 miljun is-sena li għaddiet. Meta tqis id-defiċit li wiret il-gvern mill-2012 għall-2013, il-pożizzjoni li spiċċajna biha fl-2017, tfisser li l-gvern tejjeb il-pożizzjoni tal-kaxxa ta’ Malta b’iktar minn nofs biljun ewro.
Qal li dan hu eżempju ieħor ċar ta’ kemm kien għaqli l-poplu Malti meta ma ħax il-pariri tal-kelliem tal-good governance tal-Partit Nazzjonalista li qal li pajjiżna jitlob bail out bi gvern Laburista. Gvern Laburista fisser stabbiltà finanzjarja u li beda jitreġġa lura d-dejn li ħolqu gvernijiet nazzjonalisti tul is-snin. Dan kollu meta fil-pajjiż naqqasna t-taxxi u żidna l-pensjonijiet, fost oħrajn.
L-istqarrija temmet tgħid li din hi xhieda oħra ta’ kif il-Partit Laburista qed iħejji l-pajjiżna għall-Ġenerazzjoni Li Jmiss fejn lil min għad irid jitwieled inħallulu ġid u mhux piżijiet.