Waqt investigazzjoni li għaddejja fl-Italja b’rabta mal-għaqra ta’ 41 immigrant, li telqu mit-Tuneżija fi triqithom għall-Italja, il-Kap Prosekutur Salvatore Vella spjega fatti xokkanti li joħorġu mix-xhieda ta’ erbgħa li salvaw fit-traġedja umana.
Hu qal li jirriżulta li dan it-traffikar tal-bnedmin qed jitwettaq ukoll permezz ta’ dgħajjes ipprovduti mill-istess traffikanti li ma jkunux mibnijin sew jew ta’ kwalità inferjuri u appena jitniżżlu fil-baħar jibdew jagħmlu l-ilma minn kullimkien.
Kull darba, dawn id-dgħajjes jitgħabbew fuqhom bejn 50 u 70 persuna, avolja jifilħu inqas minn hekk.
Dan ħareġ wara li ġie rrapportat kif wieħed u erbgħin immigranti, fosthom tlett itfal, tilfu ħajjithom it-Tlieta li għadda qrib Lampedusa.
Vella qal li dawk, li jkunu qed joħolmu għal ġejjieni aħjar, tant ikunu ddisprati li ftit li xejn jagħtu kas il-perikli li jkun fih vjaġġ simili u sejjaħ lil kull min jorganizza dawn il-vjaġġi bħala kriminal.
Hu qal li l-migranti li jkunu salvati kważi dejjem iħallu d-dgħajsa warajhom u qal li mhuwiex komuni li l-persuni jkunu miġbuda jew jiġu trasferiti minn dgħajsa għall-oħra f’nofs ta’ baħar. Stqarr li ma jistax jifhem kif l-erbgħa li salvaw fl-aħħar traġedja spiċċaw jitilgħu fuq dgħajsa ma kienx fiha magna fuqha.
Hu maħsub li d-dgħajsa tal-metall, li ħarġet mill-port Tuneżin ta’ Sfax, inqalbet minħabba l-maltemp u l-baħar qawwi. L-erbgħa li salvaw kienu tifel ta’ tlettax-il sena, mara u żewġt irġiel, li minbarra x-xokk tal-esperjenza, kienu fi stat ta’ saħħa tajba.
Wara jiem fil-baħar, dawn irnexxielhom jitilgħu fuq dgħajsa allegatament abbandunata u mingħajr magna. Kull ma sabu abbord id-dgħajsa mitluqa kienu erbat ifliexken ilma u nofs pakkett crackers. L-erba’ persuni, imbagħad, ġew salvati minn vapur irreġistrat f’Malta, waqt li ttieħdu lejn Lampedusa minn bastiment tal-Gwardji tal-Kosta Taljana.
Dan il-każ hu wieħed minn sensiela ta’ diżgrazzji li fihom tilfu ħajjithom eluf li fdaw ruħhom f’idejn nies mit-Tuneżija u mil-Libja, fost l-oħrajn, bit-tama ta’ ħajja aħjar fl-Italja.
Bil-għan li inqas immigranti jitilqu mill-pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq, kemm Malta kif ukoll l-Italja qed jimbottaw għal iżjed għajnuna mill-Unjoni Ewropea fihom, waqt li laħqu ftehim mal-gvernijiet tal-Libja u t-Tuneżija bil-għan li jikkordinaw aħjar is-sorveljanza ’l barra mix-xtut tagħhom.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Papa Franġisku l-Ħamis ukoll ikkummenta li, f’diżgrazzji bħal dawn, ħadd m’għandu jkun indifferenti.