Stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista tgħid kif xhieda ġuramentata fil-Qorti minn negozjant taż-żejt li ngħata il-proklama minn Gvern Nazzjonalista fuq każ ta’ tixħim u commissions miż-żejt, George Farrugia kkonfermat li d-deputat Nazzjonalista Claudio Grech gideb f’xhieda li ta bil-ġurament quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi.
Claudio Grech meta kien mistoqsi jixhed quddiem il-PAC fuq dan il-każ, kien qal li ma ltaqax ma’ George Farrugia, iżda illum taħt ġurament fil-Qorti George Farrugia giddeb lil Claudio Grech.
E-mails maħruġa mill-ġurnal Maltatoday kienu diġà kixfu korrispondenza li turi li Claudio Grech kien iltaqa’ ma’ George Farrugia. Issa x-xhieda ġuramenta ma tpoġġi l-ebda dubbju fuq dan.
Il-PL spjega li aktar minn hekk, l-istess ġurnal kien żvela ukoll li fl-eqqel tal-iskandlu Claudio Grech kien iltaqa’ mal-aħwa Farrugia biex jintervjeni f’isem l-eks Ministru Austin Gatt meta kien fis-segretarjat privat tal-istess eks-Ministru.
Ix-xhieda ġuramentata tal-lum ta’ George Farruġia tgiddeb ukoll lill-eks-Ministru Nazzjonalista li ukoll kien ċaħad li ltaqa’ ma George Farrugia fuq xiri taż-żejt.
L-istqarrija temmet tgħid li jekk Simon Busuttil irid jitwemmen fuq dak li jgħid, għandu jieħu azzjoni fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista Claudio Grech li wasal biex jigdeb quddiem il-PAC biex jgħatti xturu.