Fl-aħħar seduta tal-inkjesta pubblika dwar it-traġedja fit-3 ta’ Diċembru li għadda fejn tilef ħajtu ż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, Jesmond Muscat, stqarr li r-responsabbiltà ta’ kull struttura ta’ bini dejjem tibqa’ tal-Perit inkarigat mill-proġett.
Dan ġie kkonfermat ukoll mil-lettur fil-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta, l-Avukat Kurt Scerri, li fix-xhieda tiegħu stqarr li għal dawk il-binjiet li ma jkunu jmissu mal-ebda binja oħra, mhemm l-ebda regolament dwarhom u għalhekk ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità, il-BCA.
Hu qal li r-Regolamenti dwar il-Ġestjoni tas-Siti tal-Kostruzzjoni huma aktar dwar kif jintlaqtu partijiet terzi li jkunu fil-viċinanzi ta’ sit ta’ kostruzzjoni u dwar l-ambjent inġenerali, mhux dwar l-istruttura tal-binja.
Ix-xhieda li ngħatat fis-seduta tat-Tnejn ikkontrastat ma’ xhieda qabel fl-inkjesta fejn ingħad li l-BCA setgħet kienet responsabbli għall-istruttura tal-binja li ġġarrfet fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin.
Kemm Jesmond Muscat kif ukoll l-Avukat Kurt Scerri xehdu li l-BCA ingħatat l-inkarigu tar-regolamenti dwar il-Ġestjoni tas-Siti ta’ Kostruzzjoni fis-16 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra – jiġifieri wara t-traġedja – u dawn xorta ma jirrigwardawx l-istruttura tal-binja.
Muscat ippreżenta lill-bord tal-inkjesta dettalji dwar il-ħidma li wettqet s’issa l-BCA biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Quintano li kien sar wara t-traġedja ta’ Miriam Pace fil-Ħamrun.
Mix-xhieda ħareġ wkoll li l-Gvern għadu għaddej bi tħejjijiet biex jitlestew il-building codes, kontra dak li ntqal f’seduta preċedent fejn ingħatat l-impressjoni li dawn kienu lesti u ma ddaħħlux fis-seħħ.
Il-Fakultà tal-Liġi fl-Università wkoll għaddejja bi proċess ta’ reviżjoni tal-liġijiet li jirregolaw is-settur tal-kostruzzjoni biex ir-riformi jsiru b’mod aktar strutturat u aġġornati fejn hemm bżonn.
B’din is-seduta issa ntemm is-smigħ tax-xhieda kollha fl-inkjesta.
L-Imħallef Emeritu, Joseph Zammit McKeon, li qed imexxi l-bord tal-inkjesta, ta żmien sa l-aħħar tas-sena biex l-Avukat tal-Istat u l-familja tal-vittma jibgħatu noti ta’ osservazzjoni.
Waqt li t-terminu tal-inkjesta jagħlaq fit-2 ta’ Jannar, il-bord se jkun qed jitlob estensjoni biex sat-28 ta’ Marzu li ġej jiġi ppreżentat ir-rapport finali lill-Prim Ministru.