Fil-Qorti kompla l-ġuri b’rabta ma’ żewġ omiċidji – dak ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017 u tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015.
L-akkużati huma l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufin bħala “tal-Maksar”, Jamie Vella u George Degiorgio “ċ-Ċiniż”.
Waqt li Robert Agius u Jamie Vella qed jiġu akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia, Adrian Agius qed jiffaċċja l-akkużi li kkummissjona l-qtil tal-avukat u Jamie Vella u George Degiorgio li wettquh.
Is-seduta tat-Tnejn kienet ibbażata fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia, fejn ġie spjegat kif kien hemm l-għajnuna ta’ esperti Olandiżi dwar il-bombi.
Ittieħdu kampjuni minn fuq ix-xena tar-reat mill-post fejn ħadet l-ewwel bomba u anke mill-għalqa fejn spiċċat il-karozza ta’ Caruana Galizia.
Intqal li dawn il-kampjuni għaddew direttament mill-Pulizija Maltija għall-Istitut Forensiku Olandiż, li analizza l-mod kif ġiet sploduta l-bomba.
Pulizija xehdu kif dwar ir-rejds li saru wara l-qtil ta’ Caruana Galizia, fosthom fit-“Tinda tal-Patata” fil-Marsa, fejn instab mowbajl maħruq fost l-evidenza miġbura.
Instabu wkoll żewġ dgħajjes li huma tal-aħwa Degiorgio u pistola. Fix-xhieda ntqal li ttieħdu kampjuni tad-DNA tal-istess aħwa Degiorgio.
Surġent tal-Pulizija rrakkonta kif f’garaxx f’Ħaż-Żebbuġ instabu pistola u erba’ bullets.