Matul is-sena, ONE Radio huwa ta’ kumpanija għas-semmiegħa 24 siegħa kuljum b’għadd ta’ programmi ta’ diskussjoni dwar ġrajjiet kurrenti, informazzjoni u programmi b’għażliet mużikali varji li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.
Fi żmien ta’ festi ma jistax jonqos li ONE Radio jippreżenta programmi mżewqa għal dawn iż-żminijiet bil-għan li jservi ta’ wens b’mod speċjali għal dawk li jkunu waħidhom.
Il-Kap ta’ ONE Radio, Clint Bajada sostna ma’ ONE News, li l-għan tal-istazzjon huwa li jwassal l-informazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ aħbarijiet u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti, programmi mużikali u programmi ta’ divertiment fost oħrajn.
Filwaqt li rringrazzja lis-semmiegħa kollha tas-sostenn tagħhom matul is-snin, Bajada saħaq li minkejja li d-dinja qed tinbidel, ONE Radio qed ikompli jaġġorna maż-żminijiet. Tlabnih jgħidilna x’ hemm imħejji fuq ONE Radio illum u għada.
Bajada spjega, “Illejla bqajna għaddejjin bi programmi live ukoll, jiġifieri l-programm ta’ Reno, il-programm f’nofsillejl ‘M’intix waħdek’ flimkien ma’ Dr Joe Brincat imbgħad nibqghu sejrin live matul il-lejl kollu, kif nagħmlu wara kollox 7 tijiem fil-ġimgħa. Għada filgħodu l-breakfast xow ma’ Josef Caruana li ħa jkollu edizzjoni speċjali sal-għaxra fejn ser ikollu diversi mistiedna. Isegwi mill-10 sa nofsinhar Joseph Bondin imbgħad programm speċjali ta’ Ivan Gaffiero. Ikompli Ramon Mangion, imbgħad għandna edizzjoni speċjali ta’ mużika taljana ma’ Isabelle Pisani, bejn is-sitta u l-għaxra neqsin kwart ta’ filgħaxija.’
Tana ħjiel ukoll dwar il-programmi ta’ ONE Radio għall-ewwel tas-sena
Hu qal, “L-ewwel tas-sena hija ġurnata mportanti għalina lkoll u nippreparaw bil-kbir, fost oħrajn, għandna l-programm ta’ Anton Falzon, wara nofsinhar, mhux ħa jkun ‘Għaqqad il-Kelma’ imma se jkollu mistiedna. Barradan matul din il-ġimgħa li ġejja, se jkunu qed jindaqqu diski tal-Milied, ngħinu lill-Istrina, u nippreparaw ukoll għall-programm speċjali tad-Dar tal-Providenza, fejn anki aħna dakinhar filgħodu David Muscat ikun qed itella’ programm bħala preparazzjoni għal din il-Maratona.”
U meta ninsabu pass ‘il bogħod mill-iskeda l-ġdida ta’ Jannar, Clint Bajada ffokka fuq x’hemm ġdid.
Bajada spjega, “Aħna nħobbu l-kontinwinità jiġifieri l-programmi ħa jibqgħu fl-istess ħinijiet u fl-istess ġurnata. Għandna programmi ġodda bħalma huwa s-Sibt filgħodu, b’ ‘L-Aqwa 20 f’Malta’ li se jkun imexxih Alfie Fabri, mill-11 san-nofs siegħa. Il-Ġimgħa wara nofsinhar hemm xi tibdil ukoll, il-programm ‘Nisġietna’ ta’ Ray Azzopardi se jixxandar fis-siegħa u kwart, imbgħad isegwi Anton Falzon b’mużika fit-3 ta’ wara nofsinhar fejn qed ikun qed jagħlaq ġimgħa ta’ ħidma.”
L-istedina hija waħda, ONE Radio 92.7 FM, l-għażla tagħkom għall-aqwa garanzija ta’ divertiment. ONE Radio, miegħek u l-familja tiegħek anki f’dawn il-ġranet ta’ festi.