Is-sena 2019 mistennija tkun sena b’diversi avvenimenti u appuntamenti importanti, kemm f’Malta u barra min xtutna.
Fix-xena lokali, l-2019 se tkun sena li matulha se jiġu ċċelebrati numru ta’ anniversarji speċjali. Fil-31 ta’ Marzu, pajjiżna se jfakkar l-40 sena mill-Ħelsien, u ftit iktar minn xahar wara, fl-ewwel ta’ Mejju pajjiżna jagħlaq 15-il sena membru tal-Unjoni Ewropea.
Is-Sette Giugno ta’ din is-sena jimmarka l-100 anniversarju mir-rewwixta li wittiet it-triq għal Malta li jkollha rajha f’idejha. F’Settembru pajjiżna se jimmarka l-ħamsa u ħamsin sena mill-kisba tal-indipendenza, u lejn l-aħħar tas-sena pajjiżna jiċċelebra l-45 sena mid-dħul tal-kostituzzjoni li għamlitu Repubblika.
Matul din is-sena pajjiżna se jara okkupant ġdid fil-Palazz ta’ San Anton, hekk kif l-Eċċelenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca se ttemm il-mandat tagħha ta’ President tar-Repubblika fl-4 ta’ April.
Is-sena d-dieħla wkoll se jara lill-poplu Malti jirritorna fil-post tal-votazzjoni, dan hekk kif fil-25 ta’ Mejju se jsiru l-elezzjonjiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Elezzjonijiet li r-riżultat tagħhom għall-ewwel darba se jkun magħruf permezz tal-għadd tal-voti b’mod elettroniku.
L-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li se ssir madwar l-Ewropa kollha, se sseħħ propju ftit ġimgħat wara t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, li hu mistenni jseħħ fid-29 ta’ Marzu. Brexit li l-ftehim dwaru għad irid jintlaħaq mill-Parlament Ingliz.
Fix-xena internazzjonali, matul l-ewwel xhur tas-sena d-dinja mistennija tara l-ewwel wild tal-Prinċep Harry u martu Meghan Markle, id-Dukessa ta’ Sussex.
Fin-naħa l-oħra tal-Atlantiku, Donald Trump se jkollu sena diffiċli, hekk kif fl-ewwel jiem tas-sena l-Partit Demokratiku se jieħu l-maġġoranza fil-kamra tar-Rappreżentanti tal-Kungress Amerikan. Dan se jagħmilha diffiċli ferm biex Trump jgħaddi l-aġenda tiegħu.
Fl-Oval Office, Trump irid isib soluzzjoni għax-shutdown li qed ittellef l-operat ta’ parti mill-Gvern Federali. Iżda l-ikbar theddida għal Trump taf tkun l-eżitu tal-inkjesta dwar indħil Russu. Inkjesta mmexxija mill-prosekutur speċjali Robert Mueller, li tista’ tkun il-bidu tat-tmiem ta’ żmienu fil-White House.