Il-Prim Minsitru ta’ Malta, Joseph Muscat, f’messaġġ fuq Twitter kiteb “x’hemm isbaħ għal Malta li tiċċelebra l-ewwel ta’ Mejju bl-ogħla livell ta’ impjieg, l-inqas rata ta’ qgħad u żieda fil-paga minima.”
Dawn huma ftit mill-kisbiet ta’ Gvern Laburista tul dawn l-aħħar erba’ snin ta’ tmexxija. Filfatt kien propju ftit tal-jiem ilu li ġie ffirmat il-qbil li se jkun qed iwassal biex madwar 5,000 persuna li bħalissa qed jitħallsu b’paga minima se jkunu qed jingħataw żieda ta’ €8 fil-ġimgħa mill-2019. Kisba li żgur mhux forsi se tkun qed titniżżel fil-paġni tal-istorja ta’ pajjiżna.
Apparti minn hekk, propju fl-istess ġimgħa, tħabbar kif żdiedu b’elf, il-persuni b’diżabbiltà li issa qed jaħdmu. Ċifra li l-Prim Ministru qal li dan il-Gvern ħadem għaliha tul dawn l-erba’ snin biex ħadd ma jaqa’ lura.
Fuq nota pożittiva oħra nistgħu ngħidu li l-2020 ġibnih issa dan hekk kif statistika maħruġa mill-Eurostat għas-sena li għaddiet turi li Malta kellha fost l-ikbar tkabbir fir-rata ta’ impjiegi fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Aktar minn hekk, Malta tinsab ftit ‘il bogħod milli tilħaq il-miri Ewropej għar-rata ta’ impjiegi sas-sena 2020. Ninsabu biss 0.4% ‘il bogħod.
Statistika oħra wriet li n-numru ta’ persuni fuq l-assistenza soċjali sal-31 ta’ Diċembru 2012 kien 17,727, u 5,762 minnhom kienu jirċievu il-benefiċċju tal-qgħad.
Dan in-numru naqas għal 9,250 sal-11 ta’ Marzu 2017, fejn 1,210 minnhom jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad.
Dan iffisser illi mill-ewwel ta’ Jannar 2013 u l-11 ta’ Marzu 2017 (xahar ilu) kien hemm tnaqqis ta’ 8,477 persuna minn fuq l-assistenza soċjali.
Dawn huma ftit mill-kisbiet li wettaq dan il-Gvern tul l-erba’ snin ta’ tmexxija, li juru kif verament Malta ‘l quddiem għal aktar suċċess.