Diġà kienu ssuġġeriti tliet mitt isem għal pjaneta ġdida li se tkun qed tissemma minn Malta. L-isem uffiċjali se jkun magħżul fl-aħħar ta Settembru.
Malta ngħatat l-opportunità li tagħżel l-isem uffiċjali ta’pjaneta bħala parti minn inizjattiva globali mill-International Astronomy Unit, li din is-sena welldet il-proġett NameExoWorlds.
Dan huwa proġett globali biex ifakkar il-100 sena tal-International Astronomy Unit, li fih il-pajjiżi kollha fid-dinja se jagħtu isem lil pjaneta ġdida u lill-istilla ospitanti tiegħu. Dan wara li fl-aħħar snin, instabu eluf ta’ pjaneti u sistemi planetarji li jorbitaw madwar l-istillel.
L-ismijiet se jintgħażlu permezz ta’ votazzjoni pubblika f’kull pajjiż, u eventwalment dawn jiġu rikonoxxuti mill-IAU bħala ismijiet uffiċjali, kif spjega l-koordinatur tal-proġett f’Malta, il-Perit Alexei Pace.
Qal kif “Il-pubbliku huwa mistiden biex jagħti il-proposit għall-isem tal-pjaneta kif ukoll tal-istilla u l-ismijiet jistgħu jkunu assoċjati ma’ kultura, storja, xjenza u ġeografija ta Malta. L-ismijiet jistgħu jkunu bil-Malti u jistgħu jissemmew war persuni storiċi iżda dawn għandhom ikunu mejta 100 sena ilu.”
U peress li f’dan l-istadju it-tliet mitt isem diġà proposti għadhom sigriet, inżilna fit-toroq tal-Belt u staqsejna lin-nies x’isem jagħtu, la d-deċiżjoni tħalliet f’idejhom.