Jinsabu fl-aħħar fażi l-preparamenti sabiex it-trasport pubbliku permezz tal-karozzi tal-linja jkun bla ħlas għal kulħadd, bħala parti minn miżura li tħabbret fil-budget sena ilu.
B’hekk Malta se tkun it-tieni pajjiż fl-Unjoni Ewropea li toffri trasport pubbliku bla ħlas, liema miżura tfisser li persuna li tuża tal-linja kuljum, se tkun qed tiffranka mill-inqas tliet mija u disgħin ewro fis-sena.
Ġimgħatejn qabel din il-wegħda titwettaq, ONE News tkellem ma’ Ivan Pierre Vella, li huwa Direttur fi ħdan Transport Malta responsabbli għall-Amministrazzjoni tat-Trasport Pubbliku.
Huwa spjega li din il-miżura fissret xogħol kbir ta’ żvilupp diġitali, hekk kif f’pajjiżna hawn mal-erba’ mitt elf persuna li għandhom Tallinja Card.
Vella spjega l-bidla li se ssir għal dawk kollha li jagħmlu użu minn tal-linja.
“Fil-preżent dawk il-gruppi li qed igawdu minn trasport pubbliku b’xejn jafu jrid ikollok xorta l-kreditu fuq il-kard u fl-aħħar tax-xahar, jinġabar l-ammont li jkun intuża fix-xahar partikolari, u joħroġ refund fuq il-kard tal-individwu stess għal dak ix-xahar. B’din is-sistema l-ġdida, dan kollu se jispiċċa’ għax persuna m’għandux bżonn ikollu credit fuq il-kard.”
Huwa tkellem ukoll dwar il-proċess sempliċi għall-aħħar li jrid jgħaddi minnu kull min juża tal-linja, issa li din se tkun b’xejn
“Min għandu din il-card m’għandu bżonn jagħmel xejn, sempliċiment jitla’ fuq tal-linja u jittapja l-kard. Min m’għandux din il-kard jista’ jidħol fil-website tal-operatur tat-trasport pubbliku ta’ Malta Public Transport u japplika minn hemm direttament biex toħroġlu l-kard. Min għandu kard però m’għandu bżonn jagħmel assolutament xejn ħlief li jittapja l-kard kull darba li jitla’ fuq il-karozza tal-linja.”
L-emfasi sabiex wieħed jittappja l-kard meta jitla’ fuq tal-linja qed issir sabiex Transport Malta jkollha aċċess għall-informazzjoni ta’ kemm hemm nies f’pajjiżna jagħmlu użu mit-trasport pubbliku, u hija permezz ta’ din l-informazzjoni li dan is-servizz jista’ jitjieb.
Vella nnota li Transport Malta qed tistenna żieda ta’ persuni li jagħmlu użu minn tal-linja wara li titwettaq din il-miżura, u b’hekk in-numru ta’ persuni li jużaw tal-linja jkompli jiżdied sakemm jiżboq dak ta’ fl-elfejn u dsatax.
“Matul is-snin rajna li kien hemm żieda f’dawn il-gruppi u allura din timlina b’ottimiżmu li iva, l-indikazzjonijiet huma li se jkun hemm żieda fl-użu tas-servizz tat-trasport pubbliku.”