F’dan iż-żmien li wieħed ikun qala’ xi rigal jista’ jagħti l-każ li ma jkunx sodisfatt bih għal xi raġuni jew oħra. Għal dan il-għan, dan l-istazzjon stħarreġ mal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, biex jikseb informazzjoni dwar x’l-aħjar għandu jsir f’tali sitwazzjonijiet.
Fil-fatt, tkellimna ma’ Odette Vella li hija d-Direttur għall-Informazzjoni, Edukazzjoni u Riċerka fl-Uffiċċju tal-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA, li spjegat l-importanza tal-irċevuta f’tali ċirkostanzi.
Qalet, “Sakemm issa minn jirċievi r-rigal għandu l-prova tax-xiri, jista’ jkollok jew l-irċevuta oriġinali għax ikun għaddhielek min ikun tak ir-rigal, però minflok normalment jagħtuk il-gift receipt li bażikament fiha l-informazzjoni kollha, minbarra l-prezz, dwar dak il-prodott li inti tkun qlajt bħala rigal bħad-data ta’ meta jkun inxtara l-prodott, l-isem tal-bejjiegħ u t-tip ta’ oġġett li wieħed xtara.”
Hi spjegat li min jixtri jew jaqla’ r-rigal għandu jingħata prodott tajjeb, jiġifieri mingħajr difetti, ikun sodisfaċenti u jagħmel il-funzjonijiet li prodotti simili jagħmlu.
Stqarret, “Meta oġġetti ma jkunux skont dawn il-kriterji, il-konsumatur għandu ċertu rimedji mingħand il-bejjiegħ li huma jew li l-oġġett jissewwa mingħajr ħlas jew li jinbidel, jekk l-oġġett ma jkunx jista’ jissewwa jew jinbidel, il-konsumatur ikun jista’ jitlob imbagħad il-flus lura.”
F’każ li wieħed ikun qala’ rigal u l-unika rimedju jkun dak li jingħataw il-flus lura, ir-rifużjoni għandha ssir lura lil min ikun xtara l-prodott.
Hawn innotat li jekk wieħed ma jogħġbux ir-rigal m’għandux id-dritt li jmur ibiddlu. Madanakollu, jista’ jagħti l-każ li jkun hemm ftehim bejn il-bejjiegħ u x-xerrej qabel l-prodott ikun inxtara biex dan il-prodott ikun jista’ jinbidel.
Qalet, “F’każ ta’ rigali dawn il-kundizzjonijiet ta’ ritorn ikunu miktuba fuq il-gift receipt għalhekk importanti ħafna li meta nagħtu rigal naċċertaw li mar-rigal nagħtu l-gift receipt fejn ħa jkun hemm id-data ta’ meta wieħed jista’ jibdel u xi jrid jagħmel biex jibdel dak ir-rigal partikolari.”
Vella innotat kif min ikun qala’ r-rigal ukoll għandu r-responsabbiltajiet b’mod partikolari li jkun ħa ħsieb l-oġġett biex dak li jkun ikun eleġibbli għal xi forma ta’ rimedju.
Hi spjegat kif meta jkun hemm xi problema, wieħed għandu jikkuntattja lill-bejjiegħ, madanakollu meta ma jintlaħaqx ftehim jew inkella wieħed ikun irid jikseb aktar informazzjoni, dan għandu jikkuntattja lill-MCCAA.
Temmet tgħid, “Fejn ma naslux mal-bejjiegħ jew anke ma nkunux nafu x’inhuma d-drittijiet legali tagħna u nkunu nixtiequ nkunu nafu x’għandna nagħmlu fis-sitwazzjoni partikolari li nkunu qegħdin fiha nistgħu nagħmlu kuntatt mal-Uffiċċju tal-Konsumatur, nistgħu nċemplu, nistgħu nibgħatu email, nistgħu nżuru s-sit elettroniku tal-MCCAA jew anke nibgħatu messaġġ fuq il-paġni soċjali tal-MCCAA u nistaqsu dwar id-drittijiet tagħna u hemmhekk aħna niggwidaw lill-konsumaturi dwar x’għandhom jagħmlu fil-każ partikolari tagħhom u kif għandhom jipproċedu biex jieħdu soluzzjoni skont il-liġi.”