Fl-okkażjoni tat-tielet anniversarju minn mindu ħadet il-ġurament tal-ħatra l-President Marie-Louise Coleiro Preca poġġiet bukketti tal-fjuri fuq il-monumenti ddedikati lill-eks presidenti tar-Repubblika. L-ewwel waqfa kienet f’Ħaz-Żabbar fejn jinsab il-monument iddedikat lill-eks President Agatha Barbara.
“L-2017 timmarka s-sebgħin sena minn meta n-nisa Maltin kisbu d-dritt tal-vot. Sebgħin sena ilu mad-dritt tal-vot Agatha Barbara kienet l-ewwel mara Maltija kandidata fl-elezzjonijiet tal-Parlament. Sebgħin sena ilu Agatha Barbara nħatret bħala l-ewwel membru Parlamentari. Jaħbat ukoll sittin sena minn meta Agatha Barbara kienet l-ewwel mara ministru, u kellna nieħdu 43 sena wara biex ikollna t-tieni ministru. 30 sena ilu wkoll ġiet fi tmiemha l-presidenza ta’ Agatha Barbara. Kellna nieħdu 32 sena biex ikollna t-tieni mara kap ta’ stat”.
Il-President qalet li Agatha Barbara għandha tiġi mfakkra mhux biss għax-xogħol li għamlet favur id-drittijiet tan-nisa Maltin u għall-kuraġġ kbir li kellha matul is-snin, iżda wkoll bħala mara li ma beżgħetx mit-tradizzjonijiet u mill-kultura ta’ dak iż-żmien, u “kienet kuraġġuża biżżejjed biex tagħmel passi kbar u twitti t-triq għan-nisa Maltin’’.
F’għeluq is-sebgħin sena tad-dritt tal-vot lin-nisa Maltin u xhur qabel elezzjoni ġenerali, il-Parlament Malti għad għandu biss rappreżentanza femminili ta’ 13%. Fid-dawl ta’ dan, il-President ħeġġet lill-partiti politiċi biex jaħdmu u jagħmlu differenza fil-leġiżlatura li jmiss permezz ta’ rappreżentanza iktar ekwa tan-nisa Maltin.
“Jekk nibqgħu għaddejjin b’dan ir-ritmu, li permezz tiegħu, f’sebgħin sena wasalna għal 13% ta’ rappreżentanza femminili parlamentari, dan ifisser li bl-istess ritmu rridu mal-269 sena biex ikollna parità u ekwità fil-parlament tagħna. Dan ifisser li nkunu qed inċaħħdu d-demokrazija tagħna milli tkun b’saħħitha”, wissiet il-President.
Il-President Coleiro Preca qalet ukoll li għandha “tama ġdida biż-żgħażagħ tfajliet u nisa li llum iddeċidew li jingħaqdu ħalli jkunu jistgħu jagħmlu d-differenza’’, u appellat biex kulħadd jagħti l-appoġġ lil dan in-network “sabiex din l-elezzjoni tkun waħda ta’ rekord ta’ kandidatura femminili”.
Fl-aħħar nett il-President ippreżentat plakka kommemorattiva lir-residenti Żabbarin biex jibqgħu jfakkru lil “dan il-wild minn fosthom, li tant għamel xogħol b’risq il-Maltin u l-Għawdxin u b’mod speċjali b’risq in-nisa Maltin’’. Din il-plakka se titwaħħal mal-pedestall tal-monument iddedikat lil Agatha Barbara.
Il-President poġġiet ukoll bukketti tal-fjuri fuq il-monumenti ddedikati lil Anton Buttigieg, lill-Professur Guido de Marco, lil Dott. Ċensu Tabone, lil Sir Anthony Mamo, u lil Pawlu Xuereb.