Robert Farrugia ta’ 46 sena inżamm arrestat wara li kien akkużat li seraq sitt fliexken inbid ta’ valur għoli minn ħanut. Dan wara li huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-avukat Roberto Montalto nnota li erbgħa mis-sitt fliexken kienu ritornati, filwaqt li t-tnejn l-oħra ġew ikkunsmati. Qal li l-akkużat kemm-il darba frekwenta l-ħanut u kien klijenti ideali, sakemm sab ruħu f’perjodu ħażin.
Għaldaqstant, talab għal ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni esprimiet il-biża tagħha li jekk Farrugia ma jinżammx arrestat, huwa se jerġa jdur għall-alkoħol, u jkun hemm il-possibilta li jwettaq reat ieħor. Sostniet li huwa għandu jitpoġġa taħt kustodja preventiva sakemm isiru l-arranġamenti għal programm residenzjali.