Persuni transgender u intersex ingħataw id-dritt li fuq id-dokumenti uffiċjali li jinħarġu minn Identity Malta, ma jkollhomx jagħżlu Mara jew Raġel, iżda jiġu mmarkati bl-ittra X.
Dawn il-bidliet se jidħlu fis-seħħ mill-Erbgħa. Persuni transgender u intersex li se jmorru japplikkaw għall-Karta tal-identità, passaporti jew permess ta’ residenza se jkunu jistgħu jiddentifikaw lil huma infushom b’marka X. Il-marka X hija rikonoxxuta minn aġenzija mondjali li tieħu ħsieb l-passaporti.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li din hija inizjattiva oħra li ħa l-gvern fl-ewwel mitt jum sabiex aktar persuni li kienu f’minoranza jingħataw d-drittijiet ugwali. “Din hi liċenzja biex kulħadd ikun dak li jħoss.” Il-Ministru qalet li l-Gvern f’din il-leġislatura u li għaddiet ħadem biex dan in-nies ma jitqisux iktar ċittadini tat-tieni klassi.
B’dawn id-drittijiet Malta qed terġa tkun ta’ ezempju għall-pajjizi oħra .Filfatt Malta hija fost l-ewwel pajjizi tal-Unjoni Ewropea li daħħlu l-marka X f’dokumenti uffiċjali. Fost il-pajjizi minn madwar id-dinja li daħlu dawn il-bidliet hemm id-Danimarka, L-Awstralja , New Zealand kif ukoll l-Kanada.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni Julia Farrugia spjegat kif persuni li jridu jiddentifikaw lilhom infushom b’dan il-mod , xorta waħda se jibqgħu jgħaddu mill-proċessi normali li jsiru f’Identity Malta. Bil-ħin ta’ stennija biex wieħed japplikka huwa ta’ kwarta massimu.
Kull m’għandu jagħmel li jġib miegħu dikjarazzjoni ġuramentata. Għamilna pass importanti f’mitt jum u qed nibgħatu messaġġ ċar li bil-fatti u nindirzzaw issues ta’ minoranzi.