Il-mara tkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni waqt ix-xhur ta’ tqala, kulħadd jifirħilha u jawguralha. Il-perjodu tat-tqala huwa sinonimu ma’ żmien feliċi għall-persuni li jkunu qed jistennew tarbija, bi preparamenti għall-wasla tal-wild. Dan iż-żmien jista’ jkun mument diffiċli wkoll, hekk kif madwar id-dinja, mara minn kull ħamsa tgħaddi minn tip ta’ ansjetà jew dippressjoni b’rabta mat-tqala. Id-difikultà fuq is-saħħa mentali tal-mara, tħalli effett ukoll fuq il-partner u t-tarbija.
Il-konsulent prikajtru Ethel Felice qalet li r-riċerka turi li jekk il-mara ma tidentifikax dawn il-problemi, jista’ jkun hemm problemi wkoll fuq l-effett tar-raġel u anke fuq it-tarbija.
Il-gazzetta KullĦadd tkellmet mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li madankollu żvilupp interessanti ħafna huwa li kull fejn huwa possibbli dawn l-iżviluppi u dawn l-estensjonijiet fis-servizzi qegħdin inwassluhom eqreb lejn iċ-ċittadin. Dr. Ethel Felice hija wkoll il-kap tal-Perinatal Mental Health Clinic, stqarret li servizz simili ilu jingħata għal dawn l-aħħar għoxrin sena, iżda bl-iżvilupp tal-Perinatal Mental Health Clinic f’dawn l-aħħar ftit snin raw żieda tal-użu ta’ dan is-servizz:
“Jiena nagħmel enfas li mhux kollha huma ta’ severità qawwija, ħafna minnhom insejħula mild to moderate, li jfisser li ħafna minnhom jgħaddu waħedhom, imma hemm min ukoll, jekk ikellem lit-tabib, ikun jista’ jieħu l-għajnuna”.
Iż-żieda tal-użu mis-servizz huwa riżultat ta’ aktar għarfein dwar is-suġġett tas-saħħa mentali waqt it-tqala kif ukoll wara t-twelid. Dan jirriżulta wkoll f’tibdil soċjali u titnaqqas l-istigma fuq il-mard mentali. Minkejja li l-maġġoranza li jirrikorru għal dan is-servizz huma nisa, peró ikun hemm każijiet fejn ir-raġel ukoll ikollu bżonn l-għajnuna waqt li l-mara tkun għaddejja minn perjodu xejn faċli. Fatturi ewlenin għall-ansjetà huma l-qagħda ekonomika tal-persuna kif ukoll il-fatt li wild ġdid ibiddel l-istil tal-ħajja tal-ġenituri.
Minkejja li ħafna drabi dan kollu jkun iffukat fuq il-mara, Dr.Felice nsistiet magħna li wieħed ma jridx jinsa lill-irġiel, tant, li barra minn Malta qed tingħata importanza kbira lill-istat mentali tal-irġiel, għaliex meta l-mara tgħaddi minn ansjetà u dipressjoni, l-ewwel appoġġ li ssib huwa fil-fatt ir-raġel.
L-għajnuna li jingħataw persuni li jkunu qed jistennew tarbija twassal biex kemm il-ġenituri kif ukoll it-tarbija jkunu aktar b’saħħithom. Dr.Felice ssemmi fost l-oħrajn il-bonding, kif l-omm tmur mat-tarbija, kif tidħaqlu. “Dan għaliex, l-ewwel sena hemm l-iżvilupp tat-tarbija, kemm emozzjonalment, kemm soċjalment, u kemm fiżikament”.
Kull min qed jgħaddi minn perjodu ta’ ansjetà jew dipressjoni b’rabta mat-tqala għandu jirrikorri għal għajnuna tal-Perinatal Mental Health Clinic.