L-Oratorju tas-Sagrament Imqaddes fil-parroċċa taż-Żejtun bħalissa jinsab żarmat mis-sett ta’ pitturi tant magħruf ta’ Francesco Zahra li jmorru lura għas-seklu 18. Iżda m’hemmx lok ta’ inkwiet. Dan hekk kif fuq dawn il-pitturi għadu kif beda l-ewwel proċess ta’ xogħol ta’ restawr li qed isir mill-Fond tad-diplomazija kulturali ffinanzjat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ.
Il-Ministru Carmelo Abela f’kumment ma’ ONE News qal kif bir-restawr ta’ dawn is-sitt pitturi se jinbnew pontijiet kulturali u ta’ ħbiberija mhux biss bejn il-poplu Malti u dak Taljan iżda wkoll bejn ix-xogħlijiet ta’ Franceso Zahra u l-pubbliku.
Huwa semma’ kif permezz tal-konservazzjoni ta’ opri tal-arti il-Gvern qiegħed juri l-apprezzament lejn l-arti mhux biss bħala simbolu tal-istorja kulturali f’pajjiżna iżda wkoll bħala tieqa tat-talenti artistiċi ta’ wlied Malta li jifformaw parti mill-identità Maltija.
Dawn il-putturi, li jirrakkontaw 6 stejjer tat-Testment l-Antik, jinsabu fl-Oratorju tas-Sagrament Imqaddes fil-parroċċa taż-Żejtun.
Ir-restawratur Taljan tal-iprem kwalità, Sante Guido, flimkien mal-kollega tiegħu Giuseppe Mantella se jkun responsabbli mir-restawr.