Il-Ministri fil-gvern ta’ Theresa May kienu msejħa Downing Street biex wieħed wieħed jiflu l-ftehim proviżorju li ntlaħaq mal-Unjoni Ewropea dwar Brexit.
Iktar tard Theresa May se tlaqqa’ l-kabinett kollu għal laqgħa speċjali sabiex jiġi approvat il-ftehim u jkun jista jitpoġġa quddiem il-Parlament Ingliż.
Dettalji tal-ftehim li ġew żvelati juru li l-Renju Unit għamel diversi konċessjonijiet rigward il-garanzija biex tiġi evitata l-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża. Din issa ġiet estiża għar-Renju Unit kollhu, u tinkludi provediment biex l-Irlanda ta’ Fuq tibqa’ suġġetta għal liġijiet Ewropej.
Il-garanzija se torbot lir-Renju Unit jibqa’ jżomm ir-regoli Ewropej fis-setturi tad-drittijiet tal-ħaddiema, l-ambjent kif ukoll fl-għajnuna statali. B’din il-garanzija r-Renju Unit ma jkunx jista jħalli l-unjoni tal-dwana qabel mal-Unjoni Ewropea tkun sodisfatta li l-arranġamenti li jieħdu post din l-unjoni iħallu fruntiera miftuħa fil-gżira Irlandiża.Il-ftehim iħalli miftuħa l-possibilita’ li l-perjodu ta’ transizzjoni jiġi estiż għal wara Diċembru tal-elfejn u għoxrin.
Intant, ftehim dwar ir-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit għadu mhux milħuq u rapporti jsostnu li l-Unjoni Ewropea tixtieq tuża l-garanzija milħuqa mar-Renju Unit bħala l-bażi ta’ ftehim futur.
Iżda anke jekk il-Kabinett japprova dan il-ftehim, May mistennija issiba diffiċli ferm biex tgħaddih mill-Parlament Ingliż, dan hekk kif qed issib reżistenza minn kullimkien.
L-eks Ministru għal Affarijiet Barranin Boris Johnson saħaq li l-ftehim milħuq huwa l-agħar ftehim li qatt seta jiġi miftihem u li jittama li l-Kabinett ikollu l-kuraġġ li jarmi l-ftehim ‘il barra, filwaqt li l-mexxej ta’ grupp ta’ konservattivi kontra l-Unjoni Ewropea Jacob Rees-Mogg qal li May ċediet għal pressjoni ta’ Brussell u li l-ftehim milħuq jagħmel lir-Renju Unit skjav tal-Unjoni Ewropea.
Il-Mexxej Laburista Jeremy Corbyn qal li mill-istat tan-negozjati iċ-ċansijiet li l-ftehim huwa wieħed tajjeb huma remoti.
Il-Kap tad-Democratic Unionists Party fl-Irlanda ta’ Fuq Arlene Foster, li May serraħ fuqha biex tgħaddi liġijiet importanti, saħqet li l-partit tagħha m’huwiex se jappoġġja dan il-ftehim.
Minkejja r-reazzjonijiet negattivi fir-Renju Unit, mal-aħbar li ntlaħaq ftehim il-lira sterlina isaħħet kontra l-ewro u d-dollaru Amerikan.