L-iSpeaker Anġlu Farrugia lbieraħ filgħaxija lmenta minn dak li sejjaħ “il-mod lakoniku” li ċerti dikjarazzjonijiet isiru u ġibed l-attenzjoni ta’ kulħadd għal riġidità u attenzjoni fil-kliem li jintuża ħali ma jinqalgħux malinitiżi imma iżjed u iżjed ħalli ma tingħatax l-impressjoni – anke jekk żbaljata – li l-persuna tkun qed tiżvija l-Kamra.
Farrugia kien qed jagħti ruling mitlub mill-Ministru Evarist Bartolo wara xenata li instiga bi kliemu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Fil-ħin tal-mistoqsijiet, Busuttil għoġbu jakkuża lill-Ministru li qed jiżgwida lill-Kamra dwar l-iskema ta’ taħriġ tal-ħaddiema mill-General Workers’ Union. Busuttil insista li l-Ministru qed iqabbel skema ma’ skema oħra ta’ żmien amministrazzjoni Nazzjonalista li hija differenti minn dik ta’ qabilha. Busuttil saħansitra wasal jgħid li l-iskema tal-Ministru Bartolo ħolqot “prekarjat oxxen”.
Il-Ministru Bartolo qal li huwa jirrifuta l-akkuża u ma kienx se jwieġbu. Qal li Busuttil kien qed jgħid li huwa għal ta l-apposta kien qed jiżgwida u jqarraq bil-Kamra, li hija akkuża serja ħafna. Il-Ministru Bartolo qal li “jirrifjuta l-ħafna gideb li Busuttil jgħid kontra tiegħu barra l-Kamra”.
Fi stqarrija b’reazzjoni għal kliem Busuttil, il-Minsiteru għall-Edukazzjoni qal li l-Oppożizzjoni trid li treġġa’ l-arloġġ lura għal meta l-ħaddiema fil-Community Work Scheme kienu jitħallsu 75% tal-paga minima u kienu bla drittijiet
Il-Ministeru qal li l-prekarjat tal-ħaddiema kien iseħħ meta, taħt Gvern preċedenti, il-Community Work Scheme kienet toffri biss 75% tal-paga minima mingħajr l-ebda drittijiet għall-ħaddiem bħal leave jew sick leave. Illum, din l-iskema toffri lil ħaddiema drittijiet sħaħ tax-xogħol u ħarġithom mill-prekarjat istituzzjonalizzat li kien hemm qabel.
Taħt dawn il-kundizzjonijiet prekarji, qabel l-2013, eks-Ministri tal-Gvern ta’ qabel, fosthom Chris Said, kienu ddeskrivew din l-inizjattiva bħala “suċċess”. Iżda llum, għax dawn il-ħaddiema jitħallsu aktar u għandhom id-drittijiet tax-xogħol, l-Oppożizzjoni qed tgħid li l-iskema mhux tajba.
Illum id-drittijiet kollha ta’ xogħol huma ggarantiti u ma hemm l-ebda ħaddiem li jitħallas inqas mill-paga minima.
“Il-ħaddiema tal-Community Work Scheme ma jridux li jreġġgħu l-arloġġ lura u jitilfu d-drittijiet ta’ xogħol u ż-żieda fil-paga, kif qed tissuġġerixxi l-Oppożizzjoni” ittemm l-istqarrija.