Għal min għandu għal qalbu karozzi klassiċi, dan hu tmiem il-ġimgħa għalih hekk kif qed tittella’ is-sitt edizzjoni tal-karozzi klassiċi fl-Imdina. Edizzjoni li bħal snin preċedenti qed tilħaq il-gost ta’ bosta, minn karozzi li jeħduna lura għall-1928 u oħrajn forsi iktar qrib għaż-żminijiet tal-lum.
Il-foss tal-Imdina serva ta’ sfond ideali għal għadd ta’ karozzi klassiċi.
Dan fis-sitt edizzjoni tal-festival ta’ karozzi klassiċi li din is-sena ra mas-sittin parteċipant. Ma naqasx li kull parteċipant isemma’ l-ħoss tal-magna, jew juri xogħol ta’ xhur twal li waslu biex il-karozza tkun fl-aqwa stat għal dan l-avveniment.
Avveniment li offra karozzi li saħansitra jmorru lura għall-1929, bħal Riley li kienet misjuqa minn George Said li qasam magħna l-interess li għandu fil-karozzi klassiċi. Said qalilna li minn dejjem kien interessat f’dawn il-karozzi u li meta kien żgħir kienet propju l-ħolma tiegħu li jkun jista’ jixtri karozza klassika.
Kien hemm karozzi oħra bħal l-Autounion jew DKW li tmur lura għall-1964. Mudell li llum żvilluppa għall-karozza Audi. Fi kliem is-sewwieqa, dawn il-karrozzi jirrikjedu paċenzja kbira biex ikunu miżmuma bl-aħjar mod possibbli.