Fil-Parlament il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li l-istaġonalità minn aspett ta’ żieda perċentwali fil-volumi tat-turisti, l-aħħar xitwa 2015/2016, qed turi l-għola żieda ta’ 11% meta mqabbla mal-istaguni l-oħra fejn fil-perjodu tas-sajf żdied b’rata ta’ 6%.
Barra minn hekk, jekk wieħed iħares kif l-influss tat-turisti huwa mqassam fuq l-istaġuni, jinnota, li s-sehem tax-xitwa fl-aħħar sena meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, żdied b’ 1 punt perċentwali, minn 24% għal 25%.
Ir-raġuni prinċipali għal din iż-żieda, hi r-riżultat pożittiv ta’ xogħol kontinwu tal-Gvern mal-Malta International Airport biex ikomplu jtejbu l-konettivita’ ta’ Malta matul is-sena kollha, speċjalment fl-istaġun tax-xitwa. Fil-fatt, in-numru ta’ air seats fix-xitwa 2016/2015 żdied b’10.4% meta mqabbel max-xitwa ta’ qabel (Novembru sa Marzu).
Reġuni oħra wara dawn ir-riżultati, qal il-Minsitru, kien ix-xogħol tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu illi qassmet il-baġit tagħha aħjar u allokat iktar fondi għall-inizjattivi ta’ marketing li jiffokaw fuq ħolqien ta’ domanda addizzjonali għal pajjiżna fix-xhur tax-xitwa. L-Awtorità qed tiffoka wkoll fuq niċċeċ speċifiċi bħal ma huma turiżmu sportiv, turiżmu kulturali, btajjel qosra, turiżmu għat-terza eta’, dak reliġjuz u gastronomiku, u turiżmu MICE.
Qed issir ħidma wkoll mas-settur privat u promoturi internazzjonali sabiex noħolqu u nippromwovu iktar avvenimenti ta’ livell għoli, li bihom jirnexxielna nattiraw turiħmu ġdid lejn Malta u Ghawdex.
L-influss ta’ turisti fl-aħħar staġun tax-xitwa meta mqabbel max-xitwa ta’ qabel żdied minn diversi pajjizi ta’ oriġini kemm miċ-ċentru u il-punent ta’ l-Ewropa (Ġermanja, Italja, Spanja, Kroazja), il-lvant ta’ l- Ewropa (Polonja, Litwanja, Latvja, Repubblika Ċeka,) mill-Ewropa ta’ fuq (Renju Unit, Irlanda u pajjiżi Nordiċi) u kif ukoll minn pajjiżi mbegħda bħall-Amerika.