“Malta qatt ma waqfet tippromwovi l-paċi.” Dan saħqitu l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono fl-ewwel diskors tagħha waqt iċ-ċerimonja, li fiha ngħatat il-ħatra bħala l-ħdax-il President tar-Repubblika ta’ Malta.
F’messaġġ pożittiv, fejn saħqet li ħadd u xejn mhu akbar minn Malta, “l-omm li tatna isimha”, il-President Spiteri Debono qalet li, għalkemm tidher ħolma mbegħda, pajjiżna m’għandux jaqta’ qalbu u jibqa’ jiġġieled għall-paċi.
Hi spjegat li, riċentament, fil-fora internazzjonali Malta kompliet bil-ħidma tagħha favur il-paċi u kontra l-ħruxija tal-gwerer. Fil-fatt hawnhekk fakkret ukoll fid-diżgrazzja ta’ Chernoybl diversi snin ilu.
“Il-gwerer u l-konflitti armati mhux biss jeqirdu lill-umanità, iżda, l-armamenti u l-inġenji tal-gwerra jniġġsu u jeqirdu wkoll il-pjaneta. Naħseb min hu tal-età tiegħi kulħadd jiftakar Chernoybl u li għad hemm effetti tagħha.”
Myriam Spiteri Debono – il-President
Fid-diskors tagħha, il-President Spiteri Debono tkellmet ukoll dwar il-barranin li ġew f’pajjiżna biex isibu refuġju. Hi saħqet li lil dawn in-nies għandna nintegrawhom u, fl-aħħar mill-aħħar, ikunu parti minn ħajjitna.
Żiedet li hemm bżonn li, b’mod konxju, it-tfal Maltin u Għawdxin innisslu fihom l-imħabba għal pajjiżhom. Dan biex, b’mod tanġibbli, ikollhom apprezzament lejn il-kultura u l-istorja rikka għal identità bħala nazzjon.
Saħqet li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta biex inrawmu liż-żgħażagħ għall-politika Maltija biex ikunu kapaċi janalizzaw is-sitwazzjonijiet li jsibu ruħhom fihom u jaslu għal deċiżjonijiet tajbin mhux biss għalihom infushom, imma wkoll għall-ġid tal-oħrajn.
“Irridu nibdew miż-żgħar tagħna. Minn età tenera, fid-djar, fl-għożża tal-familja u tan-nanniet, indaħħlu fihom l-għan li dak li jagħmlu, dejjem jagħmluh sewwa u għas-sewwa.”
Myriam Spiteri Debono – il-President
Il-President saħqet ukoll dwar l-isfida li npoġġu s-saħħa mentali tal-poplu fuq quddiem u neqirdu l-preġudizzji dwarha.
Irrimarkat li l-governanza t-tajba hi kunċett li m’għandu jitwarrab qatt u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-inkjesti pubbliċi joħorġu minn fostna.
Tkellmet ukoll dwar ir-rekwiżit taż-żewġ terzi, jiġifieri l-qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati fil-ħatra tal-President u qalet li dan mhux xkiel, anzi għodda li tiżviluppa l-mod ta’ kif issir il-politika.
Dan wara riforma Kostituzzjonali, li ddaħħlet minn Gvern Laburista, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, f’Lulju ta’ erba’ snin ilu.
“Ir-rekwiżit taż-żewġ terzi mhuwiex xkiel. Jiżbaljaw dawk fostna li jitbikkew meta l-Kostituzzjoni tagħna tirrikjedi approvazzjoni ta’ żewġ terzi mill-Kamra. Ir-rekwiżit taż-żewġ terzi hu għodda li tinkoraġġixxi consensus building, li tkompli tiżviluppa l-mod kif issir il-politika, tippromwovi t-tħaddim tad-djalogu, tal-persważjoni, tal-kompromess, imsejsa fuq il-komprensjoni tal-preokkupazzjonijiet ta’ kull parti involuta fil-proċess.”
Myriam Spiteri Debono – il-President
Il-President sellmet ukoll lill-Aġent President Francis Zammit Dimech u stqarret li issa għandna inwittu t-triq għal għaqda bejnietna biex naħdmu aħjar.
Fl-aħħar tad-diskors tagħha, il-President Spiteri Debono esprimiet li l-Presidenza tagħha fil-ħames snin li ġejjin tkun magħrufa bħala l-Presidenza tan-nies u għan-nies.
“Jien ma naqtax qalbi u lanqas intom, għax nemmen li aħna, bħala poplu, għandna l-kwalitajiet tajbin, l-għaqal, l-impenn, il-galbu u għandna wkoll imħabba għal uliedna u wlied uliedna li timbottana biex noħolqulhom Malta aħjar.”
Myriam Spiteri Debono – il-President