Għalkemm għaddiet ġimgħa minn meta Adrian Delia u d-deputati li taw kasu fil-Partit Nazzjonalista vvotaw kontra l-liġi tal-vjolenza domestika xejn mhu se jnessi dan il-vot skandaluż.
“Is-soċjetà mhix se tinjora l-fatt li l-Kap tal-Oppożizzjoni vvota kontra liġi li tgħaqqad il-pajjiż kontra din il-pjaga fis-soċjetà,” qalet Claudette Abela Baldacchino, President ta’ Nisa Laburisti.
Abela Baldacchino żiedet li Delia ma jistax jibqa’ juża l-iskuża tal-abort biex jiġġustifika l-vot tiegħu. “Jekk xejn għaxar deputati tiegħu li vvotaw kontra l-mod kif ivvota hu, qalulu ċar u tond li tiegħu hi skuża fjakka. Li dik hi gidba. Li din hi liġi li m’għandha x’taqsam xejn ma hekk,” żiedet Abela Baldacchino.
Nisa Laburisti tiddeskrivi bħala skandaluż il-vot ta’ Delia għax Delia vvota kontra li jiżdiedu l-pieni kontra min isawwat lil martu. Delia vvota kontra li jiddaħħal dritt ta’ protezzjoni temporanja f’ każijiet urġenti fejn il-vittma titlob protezzjoni. Delia qal le biex il-vittma tkun tista’ tixhed b’ teleconference minflok tattendi jekk dan ikun ta’ ħsarha għaliha.
“L-agħar ħaġa hi li Delia jrid ineħħi d-drittijiet li ngħataw u għalhekk xejn mhu se jnessi l-vot ta’ Delia. Nisa Laburisti se tkompli tfakkar xi jfisser Delia għal vittmi tal-vjolenza domestika,” qalet Abela Baldacchino.