Maria Louise Pearson ammettiet quddiem il-qorti li lura fl-2013 xehdet falz f’ każ li fih kien involut is-sieħeb tagħha. Dan għax beżgħet minnu.
Dak iż-żmien l-eks sieħeb tagħha, Massimo Bonello, kien akkużat li fl-2008 tajjar mara hu u jsuq karozza tal-linja b’ mod negliġenti f’ San Pawl il-Baħar. Hu kien illiberat minn kull akkuża wara li numru ta’ xhieda, fosthom Pearson stess, qalu li l-mara qasmet mingħajr ma ħarset u li s-sewwieq ma kienx għaddej b’ veloċità eċċessiva.
Issa Bonello qed ikun akkużat b’kompliċità ta’ ġurament falz u li instiga lill-eks sieħba tiegħu tixhed falz fil-proċeduri kriminali kontrih.
Fix-xhieda tagħha Pearson irrakontat kif qabel ma daħlet tixhed fil-każ oriġinali, Bonello, avviċinaha u heddidha biex tgħid li kienet passiġġiera u rat x’ġara. Minkejja li ma kinitx passiġġiera, il-mara obdiet għax beżghet li kienet se titlef il-kustodja t’ uliedha. Hija stqarret li Bonello kien juża t-tattika ta’ theddid dwar ulieda kull meta kienu jiġġieldu.
Hi saħqet li ma kinitx taf għalxix kienet mgħajta mill-qorti biex tixhed u li kienet taf biss dak li s-sieħeb tagħha qalilha biex tgħid qabel daħlet tixhed.
Fl-2015, ir-raġel tal-vittma li spiċċat tbati mill-epilessija, ippreżenta lill-pulizija dokument li fih juri t-tħassib dwar il-verżjonijiet li taw diversi xhieda li setgħu fixklu lill-qorti. L-istqarrija ta’ Maria Louise Pearson ikkonfermat dan it-tħassib.
Madanakollu Bonello għadu qed jiċħad l-akkużi.