Fl-aħħar snin, kważi ma sarx proġett wieħed fir-Rabat li ma kienx imxekkel minn sejbiet arkeoloġiċi. L-istess ġara bil-bini taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Konservazzjoni tal-ilma, li se jwassal ukoll għar-rigenerazzjoni taż-żona tan-Nigret fir-Rabat.
Sa fl-aħħar, wara li nbidlu l-pjanijiet minħabba sejba storika, ix-xogħlijiet fuq il-parti t’ isfel taċ-ċentru qabdu ritmu tajjeb. L-aċċess għal dan iċ-ċentru se jkun miż-żona tal-binjiet tal-gvern u ser joffri żona ta’ rikreazzjoni għar-residenti tal-istess bini.
Dan il-proġett ser ikun l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu f’pajjiżna u rari fl-Ewropa. Is-Sibt filgħodu żar ix-xogħlijiet il-Ministru Konrad Mizzi fejn qal li minn sempliċiment ‘roundabout’ mitluqa għal dawn l-aħħar 25 sena ser jingħata proġett li mistenni jgħati nifs ġdid lir-Rabtin.
Il-proġett qed issir mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, permezz ta’ Fondi Norveġizi amministrati mis-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej, li jammontaw għal miljun u ħames mitt elf ewro.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li dan il-proġett se jibdel iż-żona kollha kompletament, liema żona ftit li xejn ingħatat importanza jew investimenti f’ dawn l-aħħar snin. Il-proġett mistenni jkun lest sa April li ġej.
https://www.youtube.com/watch?v=bhttJokLVGI