Dawk li huma familjari maż-Żona tal-Baħrija żgur li fl-aħħar jiem intebħu bid-differenza li hemm fl-akwata ta’ Wied Rini , int u dieħel għal dan ir-raħal ċkejken.
Żona fil-kampanja li kienet imkerrha b’madwar 22 arblu minn żmien l-Ingliżi ħadet ir-ruħ issa li itneħħew. L-ambjent jista’ jitgawda b’mod iktar u aħjar wara dik li hija inizjattiva li setgħet dehret ovvja għal xi wħud qatt ma ttieħdet fi snin twal.
Dawn l-arbli kienu jiffurmaw parti mill-istazzjon kostali u għalhekk fl-imgħoddi kellhom skop ta’ komunikazzjoni. Peró sa ftit jiem ilu kienu qed ikerrħu wieħed mill-isbaħ postijiet naturali f’Malta. L-arbli kienu wkoll ta’ periklu minħabba l-istat ta’ abbandun tagħhom.
Huma kienu mifruxa fuq aktar minn 50,000 metru kwardu t’art barra z-zona ta’ żvilupp (ODZ) li għandha wkoll valur ekoloġiku tal-ogħla livell.
Ritratti: Jason Borg (DOI), Alex Borg