Madwar id-dinja kollha, miljuni ta’ tfal jibagħtu ittra lil Missier il-Milied; fiha jesprimu xi xewqa partikolari fosthom dwar ir-rigal li jixtiequ jaqilgħu jew inkella dwar x’jixtiequ li jesperjenzaw fil-ġejjieni. Dawn ix-xewqat jintbgħatu l-Finlandja bit-tama li mat-tokki ta’ nofsillejl, ix-xewqa ssir realtà.
Żorna l-posta f’Ħal Qormi fejn mar rajna l-ittri li bagħtu t-tfal Maltin lil Missier il-Milied. Dwar dan, tkellimna f’aktar dettall ma’ Kirsten Portelli, Uffiċjal mill-MaltaPost.
Dawn iż-żminijiet ta’ festi huma kemxejn bieżla għall-uffiċjali tal-posta madwar id-dinja kollha- b’bosta kartolini b’messaġġi ta’ awguri u xiri ta’ rigali minn fuq l-internet.
L-Uffiċjal Kap Operattiv tal-Posta, is-Sur Adrian Vassallo, qalilna kif minkejja li n-numru ta’ ittri u kartolini li kienu jintbagħtu m’għadux daqs dak li kien dari, dawn iż-żminijiet ta’ festi huma impenjattivi ħafna għall-aktar minn ħames mitt ħaddiem li jkollhom jiddedikaw aktar sigħat il-posta bil-għan li kulħadd ikun moqdi bl-aħjar mod possibbli.
L-impenn ta’ dawn il-ħaddiema huwa wieħed kruċjali ħafna speċjalment matul dan iż-żminijiet- li grazzi għal ħidmiethom miljuni ta’ persuni tfeġġilhom tbissima meta jirċievu dik il-kartolina jew dak il-pakkett- b’ordni jew rigal tant mixtieq.