It-taħdidiet bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea mistennija jkomplu hekk kif rapporti qed jgħidu li jista’ jkun hemm xaqq ta’ dawl li jintlaħaq ftehim għal wara li jintemm il-perjodu tranżitorju ta’ Brexit, fl-aħħar ta’ din is-sena.
Il-BBC qed jirrapporta li ftehim dwar is-sajd bejn il-Gvern Ingliż u l-Unjoni Ewropea qiegħed fil-fażi konklussiva tiegħu iżda jista’ jkun li dan il-ftehim m’għandux l-appoġġ sħiħ tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Boris Johnson. Nifhmu li l-Unjoni Ewropea trid li s-sajjieda Ewropej jibqgħu jistadu f’ibħra tar-Renju Unit.
Lord Frost, f’isem il-Gvern Ingliż u Michel Barnier, f’isem l-Unjoni Ewropea mistennija jkomplu jinnegozjaw filwaqt li Johnson mistenni jkollu taħdidiet oħra telefoniċi mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. It-taħdidiet qed ikomplu wara li nhar il-Ġimgħa ġew sospiżi minħabba differenzi kbar bejn iż-żewġ naħat.
Kemm il-darba ma jintlaħaqx ftehim, mill-bidu tas-sena d-dieħla se jibda jkun hemm sorveljanza stretta bejn il-fruntieri tar-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea u se jiġu imposti taxxi fuq prodotti Ingliżi u Ewropej biex jidħlu għand xulxin. Il-Kamra tal-Kummerċ Ingliża qalet li n-negozjanti Ingliżi mhumiex imħejjija biex joperaw kemm il-darba ma jintlaħaqx ftehim għal wara l-perjodu tranżitorju ta’ Brexit.