F’dan iż-żmien tas-sena, ONE Radio ikun lesta skeda speċjali għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir. Huma diversi l-programm li se jkunu qed jixxandru, fosthom nhar il-Ġimgħa 12 t’April, Jum id-Duluri ONE Radio għat-tieni darba se jkun qiegħed ixandar Xandira Diretta tal-Quddiesa u l-Purcissjoni Solenni bl-Istatwa Devota ta’ Marija Addolorata li toħrog mill-Parrocca ta’ San Sebastjan, f’Ħal Qormi. Ġurnata li għall-poplu Malti hija tant devozzjonali.
‘Mid-Duluri sal-Erbgħa tat-Tniebri’ li kif iġib l-isem tal-programm ser ikun mas-semmiegħa ta’ ONE Radio mill-Ġimgħa 12 t’April sal-Erbgħa 17 t’April bejn l-10:00 ta’ filgħaxija u nofsilejl bi preżentazzjoni ta’ Aaron Zahra u Brian Bonnici bi produzzjoni ta’ Clint Bajada. Matul dan l-istess programm se tingħata opportunita lill-diversi esebituri u għaqdiet sabiex iwasslu l-informazzjoni marbuta mal-attivitajiet li jkunu qed jorgannizaw f’dawn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Mil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka sal-Għid il-Kbir huma diversi l-programmi u produzzjonijiet li ser jixxandru fuq ir-radju, li l-maġġoranza tagħhom huma kollha produzzjonijiet ġodda.