“So what a responsibility you all have to tell the truth not just to be first.” Kliem ta’ min wieħed jixtarr minn dan l-attur Amerikan.
Kulma jmur l-aħbarijiet foloz qed isiru r-regola tal-ġurnata.
Waħda mill-aħħar aħbarijiet foloz li ċċirkolaw kienet il-mewt tal-kantant Enzo Gusman.
Saħansitra diversi kmamar tal-aħbarijiet lokali rrappurtaw bi prominenza l-mewt ta’ Gusman meta dan mhux vera ħalla din id-dinja.
“Mhux vera miet il-kantant Enzo Gusman”, hekk irrapporta mill-bidu nett ONE News.
Bħalissa Gusman jinsab rikoverat fi sptar fil-Kanada wara inċident li kellu meta kien fuq btala jżur lill-familja tiegħu.
Bint Enzo, Greta Gusman kitbet li mhuwiex minnu li Enzo Gusman miet, anki jekk diversi kmamar tal-aħbarijiet oħra rrappurtaw din l-aħbar falza.
“Jekk jogħġobkom ixxerdux qlajjiet għaliex il-familja diġà għaddejja minn ħafna. Irrispettaw il-privatezza tal-familja tagħna”, talbet Greta Gusman.
Mart Enzo, Carmen ukoll ċaħdet l-aħbar falza li xterdet minn midja oħra li imbagħad ħassret l-aħbar falza li rrappurtat. “Għal grazzja t’Alla, Enzo għadu magħna”, qalet Carmen Gusman.
Intant dwar il-fake news, dan l-istazzjon tkellem ma’ Anna Bonanno, xandara veterana li tkellmet dwar prinċipju sagrosant li jrid iħaddan ġurnalist b’sens ta’ responsabilità kbira.
Hija stqarret: “Il-ġurnalist ma jirrappurtax stejjer iżda jagħti informazzjoni fattwali. Dan ifisser informazzjoni bbażata fuq il-fatti, jiġifieri l-fatti li jiġu ċċekkjati biex naraw li huma veritieri.”
Anna Bonanno appellat biex fid-dinja li qed ngħixu llum fejn aħbar tiġri bħal leħħa ta’ berqa minħabba l-midja soċjali, noqogħdu b’seba’ għajnejn minn sorsi li jqarqu.
Hija sostniet: “Kultant xi ħadd jgħid tiegħu anki bl-addoċċ mingħajr ma jiċċekkja l-affarijiet. Jekk nista’ nagħmel appell żgħir, noqogħdu attenti ħafna illi ma nemmnux kull ma nisimgħu, noqogħdu biss fuq is-sorsi li nafu li ma jqarqux bina.”