Bejn Marzu tas-sena l-oħra u Frar ta’ din is-sena l-klieb tas-sezzjoni tal-klieb tal-pulizija tal-ħabs kienu kruċjali biex saru għaxar sejbiet ta’ sustanza suspettuża fil-ħabs, fil-maġġoranza tal-każi tkun droga kannabis. Dan it-tagħrif tah il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela meta fil-Parlament kien qed iwieġeb domandi tal-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami.
“Ninfurmak li qabel Marzu 2013 il-klieb tal-Faċilita’ kienu spiċċaw meqjusa bħala pets tal-priġunieri mingħajr taħrig addattat u l-kapaċita li jaqdu d-doveri tagħhom fit-tfittxija ta’ kontra sustanzi illegali,” qal Abela li fisser kif dawn il-klieb li kienu jammontaw għal għaxra bil-maġġoranza tagħhom tkun tar-razza Springer.
“Din l-amministrazzjoni ħadet din is-sitwazzjoni bis-serjeta u bdiet tieħu diversi miżuri biex issaħħaħ il-ġlieda kontra d-droga. Għal dan il-għan fis-sena 2014 sar investiment f’sitt iklieb tar-razza German Shepard li inġibu mir-Repubblika Ċeka. Huma inxtraw għal valur ta’ elfejn u erba’mija li għal daqstant fit-total jammontaw għal erbatax-il elf u erba’ mitt Ewro. Kull kelb ġie assenjat dog handler personali u ingħataw taħrig ta’ livell għoli. Dan it-taħrig baqa fuq bażi regolari u fiż-żmien qarib se jibdew taħriġ crowd control,” qal Abela li fisser kif dawn il-klieb qegħdin jiġu utilizzati fuq bażi regolari għal tfittxijiet ta’ droga fil-ħabs.
Il-klieb jinżammu f’binja addattata ‘l bogħod mill-Faċilita’ f’Kordin. Għat-transport tagħhom sar ukoll ix-xiri ta’ vann apposta li jinkludi l-arja kkundizzjonata.