Iż-żewġt iklieb Gypsy u Charlie, mit-Taqsima tal-Klieb tad-Dwana fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wasslu għal sejba ta’ aktar minn wieħed u tletin elf ewro mhux iddikjarati.
Fi stqarrija d-Dwana Maltija spjegat li l-passiġġieri li nqabdu kienu żewġ Sirjani u Somali.
Wieħed mill-passiġġieri Sirjani, li kien sejjer Erbil l-Iraq, inqabad b’€10,095 mhux iddikjarati.
Meta kien mistoqsi mill-Uffiċjali tad-Dwana biex jiddikjara kemm kien qed iġorr flus, is-Sirjan wieġeb li kien qed iġorr madwar €7,000.
Il-passiġġier l-ieħor Sirjan instab li kien qed iġorr b’kollox €10,130 mhux iddikjarati.
F’każ separat, ix-xamma tal-kelba Charlie wasslet għal sejba ta’ €11,185 mhux iddikjarati fuq passiġġier Somalu li kien qed jivvjaġġa lejn Dakar minn Istanbul.
Is-Somalu stqarr li kien qed iġorr madwar €7,000 iżda tfittxija bir-reqqa mill-Uffiċjali tad-Dwana wasslet biex instabu €11,185 mhux iddikjarati.
Il-passiġġiera ġew offruti ftehim barra l-Qorti li qablu miegħu b’riżultat li ġew immultati.