Ir-responsabbiltà titlob li meta jkun hemm xamma ta’ allegat każ ta’ abbuż tittieħed azzjoni minnufih.
Dan intqal mill-Partit Laburista, fi stqarrija, hekk għamlu l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-entitajiet relevanti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u kien għalhekk li l-pulizija investigaw.
B’hekk kien minn Kastilja li ġie rapportat l-allegat abbuż minnufih, kuntrarju għal dak li qed jgħid il-Partit Nazzjonalista.
Intqal li l-Prim Ministru ħa wkoll id-deċiżjonijiet politiċi meta faqqa’ dan l-allegat każ. Kuntrarju għal dak li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni meta kellu f’ħoġru każi ta’ allegat abbuż serji ħafna minn Membri Parlamentari tiegħu u baqa’ ċass.
“Bħal dejjem, il-Partit Nazzjonalista mhux interessat fil-vera ġustizzja u li l-istituzzjonijiet jagħmlu x-xogħol tagħhom”, temm jgħid il-Partit Laburista.