Sejba straordinarja fil-Kapitali Eġizzjana hekk kif arkeologi Eġizzjani u Ġermaniżi li kienu qed jeskavaw tempju antik, sabu fdalijiet ta’ statwa ta’sitta u għoxrin pied , maħsuba li tirrappreżenta wieħed mill-eqdem mexxejja tad-dinastija Eġizzjana: il-Farawni Ramses it-Tieni.
Studjużi fuq il-post qalu mal-ġurnalisti li l-frammenti li nstabu huma tal-parti ta’ isfel tar-ras u l-bust magħmulha mill-materjal prezzjuż quartzite.
Ma eskludewx li l-istatwa li x’aktarx inbniet tlett elef sena ilu, kellha titpoġġa fit-tempju li kienu qed jeskavaw huma, ukoll iddedikat lill-Farawni Ramses.
Arkeologi fuq il-post spjegaw li l-ewwel indikazzjoni li seta kien hemm statwa fl-ilma taħt l-art ftit tal-jiem ilu, meta nstab framment tal-geddum tal-istatwa tal-Farawni. Jumejn biss wara, nstabu l-frammenti tal-kuruna qabel ma mbagħad nstab il-bust u parti mir-ras.
Intqal ukoll li x’aktarx l-istatwa tkissret mill-ħakkiema Musulmani tal-Kajr, jew mill-ewwel fanatiċi tal-Kristjaneżmu fi żmien il-Kruċjati.
Is-sejba qed tkun deskritta bħala waħda sinjifikanti li tirrappreżenta waħda mill-iktar ċivilizzazzjonijiet rikki fl-Istorja Dinjija. Ramses it-Tieni kien figura importanti fl-Istorja antika, li rrennja fuq l-Eġittu għal sitta u sittin sena. Ramses jibqa’ mfakkar bħala l-Farawni li rnexxielu jespandi l-imperu tiegħu sat-territorji fejn illum hemm is-Sirja u s-Sudan.
Kien magħruf ukoll bħala Farawni li kien iħobb jiddedika l-binjiet għalih innifsu iktar minn Farawni oħra. Wieħed minn dawn it-tempji li hu stess mela bi statwi tiegħu, instab taħt l-art fil-Kajr lura fl-elfejn u sitta.