Noel Xuereb huwa l-ewwel resident fi ħdan waħda mid-diversi djar ta’ Aġenzija Sapport li fil-jum tat-Tlieta tlaqqam kontra l-Covid-19.
B’kollox fl-istess jum tlaqqmu tmien residenti u seba’ ħaddiema mill-istess residenza biex b’hekk skatta l-proċess biex jitlaqqmu l-persuni b’diżabilità f’pajjiżna.
Waqt konferenza stampa ġie spjegat li t-tilqim fid-djar ta’ persuni b’diżabilità beda qabel iż-żmien previst hekk kif dan il-proċess kien mistenni li jibda f’April li ġej.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras spjegat li l-persuni b’diżabilità kienu fost l-aktar li ntlaqtu mill-pandemija u t-tilqima ser joffri serħan il-moħħ.
Qalet kif, “Qegħdin naraw li fil-jiem li ġejjin id-disa’ residenzi li għandna Malta u d-dar li għandna f’Għawdex jiġu mlaqqmin kollha, kemm ir-residenti u kemm il-ħaddiema, u nisperaw li sa ħmistax oħra kulħadd ikun imlaqqam u hekk inserrħu ras anki l-familji tal-persuni b’diżabilità li joqogħdu magħna.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli ħabbret li sa Marzu li ġej mistennija jitlaqqmu biż-żewġ dożi, ’il fuq minn disa’ mitt persuna fi ħdan is-settur tal-persuni b’diżabilità.
Qalet li, “Il-mira tal-lum tfisser ħafna kemm għalina kif ukoll għar-residenti u dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur. B’kollox avvanzajna mill-mass roll-out u issa qegħdin fi Frar bdejna dan il-proċess. Fiċ-ċiklu kollu se naraw li sal-aħħar ta’ Marzu jkollna disa’ mija, tlieta u tletin persuna bejn residenti u ħaddiema li jkunu ħadu t-tieni doża tal-vaċċin.”
Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Matthew Vella li spjega kif dan il-proċess ta’ tilqim jikkumplimenta ma’ kullana ta’ protokolli li jsaħħu l-ġid tal-persuni b’abbiltajiet differenti.