Fil-knisja tal-Ibraġ illum sar il-funeral tan-negozjant David Abela li nqatel fir-residenza tiegħu fis-Swieqi x-xahar li għadda Abela li għandu 51 sena nstab mejjet fis-27 ta’ Frar. Sal-21 ta’ Marzu, il-katavru ta’ David Abela, kienu għadu ma ġiex rilaxxat għad-difna. Filfatt, dwar dan il-każ l-investigazzjoni għadha għaddejja hekk kif għadu ma ġiex stabbilit min kien responsabbli b’ dan il-qtil.
L-Awtopsja kkonfermat li Abela miet b’numru ta’ daqqiet ta’ sikkina f’għonqu. Abela kien is-sid ta’ 21st Century Travel u ta’ 21st Century Limousines. Il-missier ta’ erbat itfal kien ukoll id-Direttur tal-kumpanija Aviaserve. In-negozjant mis-Swieqi instab mejjet għarwien imkebbeb f’liżar, b’idejh u saqajh marbuta fis-sodda u ħalqu magħluq bit-tape.
Kienet is-sieħba tiegħu Irina Alexandrovna Micallef li daħlet fid-dar t’Abela u sabet quddiemha din ix-xena makabra. B’xokk fuqha hija rrapurtat lil pulizija b’dak li rat. Irina ġiet interrogata mill-Pulizija hekk kif il-Pulizija hija interessata fil-ħajja personali tal-vittma.
Filmat CCTV juri li qabel ma’ David Abela, n-negozjant li nstab mejjet fir-residenza tiegħu fis-Swieqi inqatel, raġel daħal fir-residenza tiegħu. Jidher li l-aggressur daħal fid-dar ta’ Abela fi Triq il-Ġiżi qabel il-vittma wasal minn lejl barra. Il-wiċċ tas-suspettat ma kienx mgħotti iżda l-kwalità tal-filmati tac-CCTV camera qed jagħmluha diffiċli biex huwa jiġi ddentifikat.
Għadu mhux stabbilit jekk is-suspettat daħalx fid-dar bil-mixi jew użax il-vettura tiegħu biex jidħol fir-residenza tal-vittma.
Huwa mifhum li David Abela kien għamel rapport lill-Pulizija dwar każ ta’ vjolenza domestika. L-investigaturi qed jeskludu, li n-negozjant inqatel b’rabta man-negozji tiegħu jew ma serq.