Raġel ta’ 30 sena mill-Marsa baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li seraq ħwejjeġ u arloġġi minn ħanut f’Ħal Qormi.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana ntqal kif l-akkużat ħareġ mill-ħabs ftit anqas minn xahar ilu fuq każ ieħor.
Intqal li r-raġel, li xogħlu huwa li jsuq il-karozzin, inqabad minn ħaddiem tal-ħanut qed jipprova jisraq l-oġġetti.
Huwa ġie arrestat mill-Pulizija ftit ħin wara.
Fost l-oħrajn il-Prosekuzzjoni xliet lir-raġel b’serq aggravat ta’ oġġetti li jammontaw għal madwar elf u ħames mitt ewro, li kellu fuqu sikkina, li kiser il-paċi pubblika u li huwa riċediv.
L-akkużat wieġeb mhux ħati.
Id-Difiża filwaqt li talbet għall-ħelsien mill-arrest, qalet kif ir-raġel irid imantni lil bintu ta’ ħames snin u li għandu problema tad-droga.
Il-Maġistrat ċaħad din it-talba hekk kif argumenta li għadhom iridu jixhdu xi persuni u nnota l-kondotta kkulurita tal-akkużat.