Sitt ġimgħat ilu waqt intervista qasira fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech iddikjara li jinsab ippreparat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss – tiġi meta tiġi – u għandu kollox lest biex ikun fil-Gvern.
Avolja kemm ilu fit-tmun tal-Partit, lanqas kien kapaċi jippreżenta l-kontijiet awditjati tiegħu, bi ksur sfaċċat tal-liġi, Grech fit-8 ta’ Settembru li għadda kien enfasizza kemm hu kapaċi jamministra u jsolvi dawk li ddeskriva bħala “problemi bla tarf tal-Labour”.
“Inserrħulek rasek li għandna kollox ippreparat. U nidħlu fil-Gvern u nkunu nistgħu nindirizzaw, mill-ewwel, mhux biss il-problemi li se jkun ħalla l-Labour f’dawn il-11, 12, 13-il sena, skont kemm (il-Prim Ministru) jdum biex isejjaħ elezzjoni.”
Il-Kap tal-PN, Bernard Grech
Minkejja dan, fl-aħħar attività politika tiegħu l-Ħadd fejn indirizza l-partitarji tiegħu f’Birkirkara, Grech ħabbar li issa qabbad lil-lettur Universitarju Dr George Vital Zammit biex jibda jfassallu manifest elettorali.
Hu mistenni jaħdem f’tim, flimkien mal-uffiċjal tar-riċerka politika Mary Ann Lauri, l-istess waħda li fil-Kunsill Ġenerali kienet qalet lin-Nazzjonalisti stess biex jużaw moħħhom meta janalizzaw is-surveys u lil dawk li jilmentaw bħala “armchair critics”.
L-istess Mary Ann Lauri, ħdax-il sena ilu, ukoll kienet firmatarja tar-rapport tat-telfa Nazzjonalista, li kien twarrab u qatt ma ngħata kas tiegħu u wisq inqas attwat, anke jekk kienu indikati ċar u tond ir-raġunijiet għalxiex l-elettorat warrab lill-Partit Nazzjonalista mill-poter.
“Żgur li, flimkien anke ma’ Mary Ann Lauri u t-timijiet tagħha, se nkunu qegħdin naħdmu flimkien, flimkien mal-fergħat, flimkien mal-kumitati, flimkien mad-deputati, flimkien mal-attivisti kollha.”
Il-Kap tal-PN, Bernard Grech
Dan it-tibdil fid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni wkoll fakkar kif, taħt it-tmexxija tiegħu, ukoll ma kienx kapaċi jippreżenta dokument wieħed sura għal qabel il-baġit u ġie kkritikat bil-goff għal tali nuqqas serju.
L-istess seħħ din is-sena qabel il-baġit tat-Tnejn li ġej, wara li l-aħħar tentattiv tiegħu fi pre-budget document ġie żvelat mill-gazzetta KullĦadd fejn instab li wkoll kien mimli żbalji fattwali.
Meta preċedentement ippubblika dokument jew għamel sempliċi preżentazzjoni ta’ slides, dawn ġew deskritti bħala tgħaffiġa sħiħa jew tentattiv medjokri.