Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret programm ta’ attivitajiet marbuta mall-opri f’Għawdex – Gozo Opera Month.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-programm, il-Ministru Caruana qalet li dan il-festival abbinat mal-opri tfassal għall-ewwel darba wara diskussjonijiet fit-tul mal-partijiet kollha kkonċernati. Il-Ministru għal Għawdex uriet is-sodisfazzjon tagħha li l-opri liriċi li jiġu organizzati f’Għawdex miż-żewġ teatri fir-Rabat, issa se jkunu parti minn programm ferm iktar wiesa’ u impenjattiv. Għawdex se wkoll jiżżejjen skont it-tema operistika ta’ din l-attività tant prestiġjuża.Hija qalet li l-għan tal-Ministeru hu li jwassal il-kultura fid-diversi forom tagħha aktar qrib iċ-ċittadin u għalhekk, bil-għajnuna taż-żewġ soċjetajiet ewlenin u numru ta’ stakeholders oħra, se jsiru għadd ta’ avvenimenti relatati mal-opri barra mit-teatri ewlenin infushom. Dawn ivarjaw minn lezzjonijiet fuq l-opri u kunċerti, sa wirjiet fuq is-suġġett relatat. Il-Ministru Caruana nsistiet li dan il-wirt li bnew is-soċjetajiet matul is-snin għandu jiġi sostnut u jitkattar fost il-ġenerazjonijiet futuri u kien għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex investa bis-sħiħ f’din l-inizjattiva.