L-Aġenzija Project Green ilha biss ftit aktar minn xahar li twaqqfet bl-għan li, fis-seba’ snin li ġejjin, timplimenta bosta proġetti ambjentali madwar il-pajjiż b’allokazzjoni ta’ €700 miljun.
F’erba’ ġimgħat minn mindu l-Aġenzija bdiet tmidd idha sabiex tara li din il-wegħda elettorali titwettaq b’suċċess fis-snin li ġejjin, kienu bosta r-riżultati li nkisbu.
Dwar dan tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Project Green, Steve Ellul, li semma l-ewwel proġett li inawgurat l-Aġenzija: dak tal-estensjoni tal-Park San Klement.
“F’inqas minn xahar nedejna l-ewwel proġett. Fil-fatt, 2,300 metru kwadru ġewwa Ħaż-Żabbar, li huwa estensjoni ta’ park li kien hawnhekk diġà. B’dan il-park, u b’din l-estensjoni, ilħaqdna 11,000 persuna li jgħixu fl-inħawi tal-Fgura, ta’ Ħaż-Żabbar, u ta’ Bormla, li f’temp ta’ 10 minuti jilħqu dan il-park bil-mixi.”
Ix-xogħlijiet f’din iż-żona inkludew it-tneħħija ta’ ħaxix salvaġġ kif ukoll it-tħawwil ta’ mitejn u ħamsin siġra u arbuxelli u l-installazzjoni ta’ bankijiet magħmula b’materjal sostenibbli.
Steve Ellul aċċenna wkoll għat-tnedija tal-iskema Community Greening Grant.
“Fl-ewwel xahar ukoll nedejna l-akbar skema ambjentali li qatt ra pajjiżna: €10 miljun minn fondi Ewropej u fondi nazzjonali li rridu li l-kunsilli lokali tagħna, l-għaqdiet tal-volontarjat tagħna, l-NGOs fl-ibliet u l-irħula tagħna, jużawhom biex niftħu spazji miftuħa fil-postijiet fejn il-Maltin jgħixu u jaħdmu.”
Ellul irrimarka wkoll li l-Aġenzija ma waqfitx hawn, u rat li tkompli tikkonsulta sabiex din l-iskema tiġi attwata b’suċċess.
“Fl-istess xahar iltqajna wkoll ma xejn inqas minn 70 kunsill lokali, 70 NGO, sabiex ngħinuhom jagħmlu dawn l-applikazzjonijiet u nispjegaw lilhom u nifhmu flimkien dak li nixtiequ naraw bħala spazji miftuħa.”
Staqsejna wkoll lill-Kap Eżekuttiv dwar ix-xogħol li mistennija tvara u tlesti l-Aġenzija minn issa ’l quddiem. Steve Ellul sostna li t-tlestija ta’ aktar proġetti hija essenzjali sabiex tkompli tiżdied il-fiduċja fl-effiċjenza ta’ din l-aġenzija.
Huwa ta ħjiel ta’ x’nistgħu nistennew fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
“Qed inħarsu, fil-ġimgħat li ġejjin, fi proġetti simili ġewwa l-Mosta, ġewwa l-Gudja, u anke ġewwa Bengħajsa, fejn qed naraw proġett interessanti ħafna fejn bħalissa l-ħaddiema qed jaħdmu fuqu u se nkunu qed nagħtuh lin-nies fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin.”