Fil-bidu tal-istaġun tas-Sajf, Pjazza Teatru Rjal ser ikun qiegħed itella’ tlett avvenimenti mużikali kbar fix-xahar ta’ Mejju li jkopru mużika ta’ kull stil: minn jazz, pop u rock għal dik klassika.
Fl-ewwel avveniment, European Jazz Jamboree, li ser ikun qed jittella’ nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Mejju, ser inkunu qed naraw uħud fost l-aqwa mużiċisti jazz Ewropej – fosthom Bertil Strandberg, Avarino Cirinna, Giovanni Morello, Orazio Maugeri, Alessandro Presti u Luca Fattorini – jingħaqdu mal-Maltin Sandro Zerafa, Dominic Galea u Charles ‘City’ Gatt. F’din il-festa ta’ jazz ser jingħaqad ukoll il-kantant veteran Joe Cutajar li ser ikun akkumpanjat mill-band tiegħu iffurmata minn Paul Abela, Ryan Abela, Sammy Murgo u Joe ‘Bibi’ Camilleri Snr. Id-dħul huwa b’xejn u l-kunċert jibda fit-20:00h.
Għat-tieni avveniment, li ser jittella’ l-Erbgħa 16 ta’ Mejju fit-20:00h dejjem ġewwa Pjazza Teatru Rjal, ġew mistiedna d-duo imitabbli Igudesman & Joo. Dawn iż-żewġ mużiċisti, popolari ħafna fuq youtube bil-vidjos tagħhom jarawhom mijiet ta’ eluf ta’ spettaturi, kellhom kliem ta’ tifħir minn artisti kbar fosthom id-direttur ta’ Monty Python Terry Jones, il-vjolinist ċelebri Gidon Kremer kif ukoll l-attur leġġendarju Sir Roger Moore. A Little Nightmare Music huwa kunċert li jżewweġ fih il-mużika mal-komiċità b’mod impekkabli. Wieħed diffiċli jimmaġina kif inhu possibbli li f’silta waħda tgħaddi mill-mużika ta’ Mozart, dik operistika u l-famuż Canon ta’ Pachelbel għall-kanzunetti tal-Beatles, Rap u I will Survive. Dan żgur ser ikun avveniment uniku, b’artisti ta’ fama internazzjonali jesebixxu t-talenti tagħhom fostna.
Nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Mejju fit-20:30 il-Malta Concert Orchestra ser tkun qed teħodna fi vjaġġ mużikali lura lejn is-snin 70 u 80. Il-kantanti Chris Grech, Lello Ebejer, Josef Tabone, Tiziana, Abigail Brown, Abigail Borg, Christine Gauci, Johanna Galea, Genevieve Darmanin, Daniela Farrugia, Deborah Powell u Maria Vella ser ikunu qed jikkoreografaw l-interpretazzjonijiet tagħhom ta’ kanzunetti ta’ Hot Chocolate, Boney M, Queen, Eagles, Michael Jackson, Bee Gees, Bonnie Tyler, Twisted Sister, U2 u Bon Jovi fost oħrajn. Għall-kunċert 70’s & 80’s Night, il-Malta Concert Orchestra ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ wieħed mid-diretturi tagħha Joe Brown li kien ukoll responsabbli mill-arranġamenti mużikali.
Għal aktar informazzjoni dwar il-kunċerti u dwar il-biljetti wieħed jista’ jżur is-sit tat-teatru http://www.pjazzateatrurjal.mt
Studenti, anzjani u familji jistgħu jibbenefikaw minn roħs fuq il-biljetti.